Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Investiment ta’ €200,000 għal test dijanjostiku ġdid u aktar effiċjenti għall-kanċer tal-musrana

pr211968
Date Icon 01/11/2021

Riċerkaturi miċ-Ċentru għall-Mediċina Molekulari u l-Biobanking tal-Università ta’ Malta qed jaħdmu fuq proġett ta’ riċerka bl-isem Kme-CRC bl-għan li jinħoloq test dijanjostiku speċifiku għall-kanċer tal-musrana biex jassisti lit-tobba u l-patoloġisti jivvalutaw il-preżenza u l-istadju ta’ dan il-kanċer. Il-pazjenti jibbenefikaw minn dijanjosi aktar bikrija, li ġeneralment tissarraf f’riżultat ta’ trattament iktar effettiv, u b’hekk jitnaqqsu l-ħtieġa għall-kimoterapija, iż-żmien fl-isptar, u l-piż mentali fuq il-pazjent u l-membri tal-familja.

Dan il-proġett seta’ jsir bl-għajnuna ta’ €200,000 f’fondi għar-riċerka mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija.

F’Malta jkun hawn madwar 300 każ ġdid ta’ kanċer tal-musrana fis-sena, b’mortalità ta’ 100 pazjent fis-sena u 200 operazzjoni mwettqa fis-sena. Għalhekk screening b’mod aktar preċiż sabiex dan it-tip ta’ kanċer jinstab fi stadju aktar bikri huwa kruċjali.

Waqt iż-żjara tiegħu fil-laboratorji fejn qed isir ix-xogħol fuq dan il-proġett, il-Ministru għall-Ugwaljanza, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Owen Bonnici faħħar l-enerġija u l-impenn ta’ dawn ir-riċerkaturi Maltin li qed jaħdmu bla heda biex isibu soluzzjonijiet u modi innovattivi biex tiġi miġġielda marda li tikkawża tant tbatija għal ħafna nies.

Il-Ministru Bonnici stqarr li, “Ix-xogħol imprezzabbli ta’ dawn ir-riċerkaturi jeħtieġ li jiġi rikonoxxut, peress li dawn qed jaħdmu bla waqfien biex jipprovdu raġġ ġdid ta’ tama għal dawk li l-aktar għandhom bżonn. Filwaqt li r-riċerka f’pajjiżna jista’ jkun li għadha fil-bidu tagħha, in-nies qed jibdew jifhmu l-valur tagħha għall-benefiċċju tas-soċjetà kollha.”

Il-Ministru Bonnici saħaq ukoll li, “Il-Gvern huwa kommess li jibqa’ jinċentiva u jħeġġeġ riċerka bħal din, u xejn ma jixpruna l-isforzi tagħna aktar mir-riżultati mill-isbaħ li qed jiksbu dawn ir-riċerkaturi.”

Ir-Riċerkatur Ewlieni Dr Byron Baron qal li, “Permezz ta’ din ir-riċerka tejjibna d-dijanjosi tal-kanċer tal-musrana billi nanalizzaw bidliet f’tip ta’ proteini msejħa methylation. Riċerka bħal din hija importanti biex tiddefinixxi aħjar l-istadju tat-tumur u tippermetti trattament aktar personalizzat.”

Il-kit propost jista’ jnaqqas il-ħin tal-ittestjar u jagħti dettalji tat-tumur aktar kwantitattivi u oġġettivi. Barra minn hekk, meta wieħed iqis li l-kura tas-saħħa f’Malta hija b’xejn, minbarra li tnaqqas it-tbatija assoċjata ma’ din il-marda għall-pazjenti u l-maħbubin tagħhom, id-dijanjosi bikrija tiffranka wkoll ħafna flus lill-pajjiż.

Din ir-riċerka qed titmexxa minn Dr Byron Baron, assistit minn Dr Vanessa Zammit. Il-kampjuni tal-pazjenti huma pprovduti minn kirurgi fl-Isptar Mater Dei u s-software apposta qed jiġi żviluppat minn Incredible Web Ltd.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Investiment ta’ €200,000 għal test dijanjostiku ġdid u aktar effiċjenti għall-kanċer tal-musrana
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Investiment ta’ €200,000 għal test dijanjostiku ġdid u aktar effiċjenti għall-kanċer tal-musrana
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Investiment ta’ €200,000 għal test dijanjostiku ġdid u aktar effiċjenti għall-kanċer tal-musrana
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Investiment ta’ €200,000 għal test dijanjostiku ġdid u aktar effiċjenti għall-kanċer tal-musrana
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow