Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, IT-TIBDIL FIL-KLIMA U L-IPPJANAR: Konferenza Nazzjonali għat-Tibdil fil-Klima: se jidħlu fis-seħħ strateġiji ambizzjużi

pr211943
Date Icon 26/10/2021

Il-gvern għandu viżjoni, pjan ċar u miżuri konkreti biex nimxu lejn in-newtralità mill-karbonju u nindirizzaw it-tibdil fil-klima. Wara proċess ta’ konsultazzjoni pubblika, il-Long Term Renovation Strategy (LTRS) u l-Low Carbon Development Strategy (LCDS) ġew finalizzati, b’din tal-aħħar se tiġi sottomessa lill-United Nations Framework Convention on Climate Change (UNFCC). 

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia waqt il-Konferenza Nazzjonali dwar it-Tibdil fil-Klima li ġiet indirizzata wkoll mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg, mill-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli u mis-Segretarju Parlamentari għall-Kostruzzjoni Chris Agius. 

Il-Ministru Farrugia qal li pajjiżna kien wieħed minn tal-ewwel li ddikjara li se nkunu qed nilħqu l-mira tagħna ta’ newtralità klimatika sal-2050. “Sforzi internazzjonali kontra t-tibdil fil-klima qed jiżdiedu hekk kif resqin lejn il-konferenza tal-Ġnus Magħquda magħrufa bħala COP26 fi Glasgow ftit jiem oħra. Ħdimna u fassalna pjanijiet strateġiċi b’saħħithom, pjanijiet li bihom se naħdmu biex innaqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra b’19% sat-2030. Fost dawn l-istrateġiji hemm il-LCDS. B’hekk Malta għandha l-pjan ambizzjuż biex tagħmel il-parti tagħha fit-taqbida kontra t-tibdil fil-klima u tilħaq l-għanijiet li għandna quddiemna b’mod li ma nweġġgħux lill-vulnerabbli u li ma nġibux lill-ekonomija Maltija inqas kompetittiva. Min-naħa l-oħra, hemm l-opportunità li permezz tal-European Green Deal niddiversifikaw l-ekonomija tagħna, hemm niċeċ ekonomiċi ġodda jistennewna. Malta hi l-inqas pajjiż li jniġġes per capita fl-Unjoni Ewropea kollha. Biex nimxu ’l quddiem irridu nirrimarkaw b’mod pożittiv it-tajjeb li ksibna għax pajjiżna diġà għamel ħafna. Fadal ħafna xi jsir iżda nżommu f’moħħna li għandna għanijiet ambizzjużi ħafna għal pajjiżna,” qal il-Ministru Farrugia. 

Il-Ministru Farrugia qal li llum nistgħu nitkellmu wkoll dwar l-iktar baġit li jiffoka fuq it-tibdil fil-klima, b’diversi miżuri għal effiċjenza fl-enerġija u fi trasport iktar nadif. “Ħabbarna wkoll numru ta’ proġetti ambjentali, proġetti ta’ afforestazzjoni u proġetti biex insebbħu u ntejbu l-ambjent tagħna, kemm dak naturali kif ukoll dak urban,” ikkonkluda l-ministru. 

“Bħala ministeru responsabbli mit-trasport f’pajjiżna, nemmnu bi sħiħ fl-importanza li għandu dan is-settur u l-potenzjal b’saħħtu li għandu sabiex iħalli impatt pożittiv ħafna u jkun kontributur ewlieni fil-mixja lejn pajjiż aktar sostenibbli u nadif. Bħala parti mill-istrateġija tal-LCDS, aħna bbażajna fuq erba’ miżuri prinċipali li uħud minnhom anka bdiet il-ħidma fuqhom fejn permezz tagħhom se nkomplu nixprunaw, anke fuq skala nazzjonali, sabiex il-viżjoni ta’ dan il-gvern favur is-sostenibbiltà tintlaħaq bl-aktar mod naturali u bl-inqas impatt possibbli fuq il-poplu. Nemmnu bi sħiħ fl-eletrifikazzjoni tal-vetturi u għalhekk miżura effettiva ħafna hi li b’investiment ta’ €40 miljun minn fondi Ewropej, sal-2030 se nkunu qed nelettrifikaw il-flotta tat-trasport pubbliku; total ta’ 370 vettura. Bl-għotja tal-akbar pakkett ta’ grants li qatt ra pajjiżna se nkomplu nerfgħu mill-piż tal-poplu u ninċentivaw sabiex issir il-bidla għal vetturi li jniġġsu anqas. B’dan il-mod se nkomplu nkunu ta’ spalla u flimkien naħdmu għal aktar riżultati sabiex pajjiżna tassew ikun fil-quċċata f’dik li hi sostenibbiltà,” qal il-Ministru Ian Borg.

Il-Ministru Miriam Dalli saħqet dwar kif il-gvern qed jagħti direzzjoni ċara lill-pajjiż. “Qed inħeġġu lill-familji, lin-negozji, lill-entitajiet pubbliċi u dawk privati biex ilkoll flimkien nimxu t-triq tad-dekarbonizzazzjoni.” Il-Ministru Dalli spjegat li din il-ħidma qed tħalli l-frott, kemm fid-djar residenzjali li qed jinvestu f’aktar enerġija rinnovabbli u tagħmir li huwa effiċjenti kif ukoll mis-settur privat li qed jinvesti fis-sostenibbiltà. “Din il-ġimgħa stess ħabbarna investiment multimiljunarju għall-espansjoni ta’ kumpanija li qed topera f’impjant li huwa carbon neutral. L-impenn ta’ dan il-gvern huwa li nibqgħu nkunu ta’ appoġġ u ninċentivaw il-bidla,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.

Is-Segretarju Parlamentari Chris Agius qal li hu importanti li jkollna binjiet residenzjali u binjiet industrijali li jgħinu t-tnaqqis fil-bżonn tal-ikkunsmar tal-enerġija. Dan jgħin lill-konsumatur jikkonsma inqas u awtomatikament iħallas inqas kif ukoll iwassal għal inqas emissjonijiet. Enfasizza li l-Longterm Renovation Strategy, li issa ser tiġi implimentata, ser tkun kruċjali biex tinkoraġġixxi r-rinnovar u l-użu effiċjenti tal-enerġija. Fl-istess waqt din ser tippromwovi l-utilizzar ta’ sorsi rinnovabbli tal-enerġija. Ikkonkluda li b’għaqal, dan il-gvern ser ikompli jagħmel id-differenza għall-ambjent tagħna u għaċ-ċittadini Maltin u Għawdxin. 

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, IT-TIBDIL FIL-KLIMA U L-IPPJANAR: Konferenza Nazzjonali għat-Tibdil fil-Klima: se jidħlu fis-seħħ strateġiji ambizzjużi
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, IT-TIBDIL FIL-KLIMA U L-IPPJANAR: Konferenza Nazzjonali għat-Tibdil fil-Klima: se jidħlu fis-seħħ strateġiji ambizzjużi
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, IT-TIBDIL FIL-KLIMA U L-IPPJANAR: Konferenza Nazzjonali għat-Tibdil fil-Klima: se jidħlu fis-seħħ strateġiji ambizzjużi
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow