Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Seifert Systems tagħżel lil pajjiżna biex twettaq investiment ta’ €8 miljun u toħloq 100 impjieg ġdid ta’ kwalità

pr211940
Date Icon 25/10/2021

Investiment ta' €8 miljun mill-kumpanija internazzjonali Seifert Systems se jwassal biex mill-ġdid is-settur tal-manifattura f'pajjiżna jkompli jimbarka fuq trasformazzjoni diġitali li mhux biss tiġġenera prosperità ġdida, iżda toħloq kwalità ta' ħajja aħjar għaċ-ċittadini Maltin u Għawdxin.

Investiment li, filwaqt li se jwitti t-triq għal manifattura aktar sostenibbli, se jissarraf ukoll f'100 opportunità ta' impjieg ġdid ta' kwalità f'pajjiżna.

Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela qal li dan il-proġett jirrifletti preċiżament il-viżjoni ta' dan il-gvern fil-qasam ambjentali u l-pajjiż li rridu nħallu għal uliedna.

“Fil-ħidma politika tagħna stabbilixxejna miri ambizzjużi biex insiru soċjetà carbon-neutral sas-sena 2050. Għaldaqstant, nistgħu nilħqu din il-mira biss jekk kollettivament mas-settur privat nagħmlu l-bidliet meħtieġa u nbiddlu kif ngħixu u naħdmu."

Dr Abela nnota kif Seifert Systems għażlet li tagħmel din it-trasformazzjoni ambjentali f'pajjiżna mill-pajjiżi kollha li topera fihom bil-għan li tilħaq l-għanjiet ambizzjużi tagħha.

“L-investiment ta' €8 miljun li qed jitħabbar illum juri li din il-kisba tista' tintlaħaq għaliex il-Gvern qiegħed kontinwament jinċentiva iżjed fabbriki u negozji jeqilbu l-mod ta' kif joperaw. L-investiment ta' Seifert Systems huwa xhieda ċara għala rridu nkomplu ninvestu fl-industriji tagħna."

F'dan il-kuntest, il-Prim Ministru rrefera wkoll għal dak li ġie ppreżentat fil-Budget 2022.

“Huwa għalhekk li dak li ppreżentajna għas-sena li ġejja se jinvesti mill-ġdid fil-kumpaniji u jappoġġja t-twettiq ta' aktar proġetti bħal dak li qed jitħabbar illum. Għalhekk, meta ngħinu lis-settur privat, fl-aħħar mill-aħħar qed ngħinu lil min iħaddem, lill-impjegati u lill-komunità li topera fiha."

Il-Prim Ministru nnota wkoll kif ir-riżors uman kien, għadu u se jibqa' l-aqwa riżors li għandu dan il-pajjiż u għalhekk dan il-gvern se jkompli jinvesti fin-nies tiegħu. Infatti, fl-aħħar xhur, pajjiżna ġie kkonfermat bħala wieħed minn tliet pajjiżi Ewropej fejn ir-rata tal-impjiegi żdiedet u mhux naqset.

Dr Abela temm jgħid li dan l-investiment jixraqlu l-fiduċja kollha tal-gvern u rrikonoxxa kif Seifert Systems hija xempju ta' success għal pajjiżna, kumpanija li wriet reżiljenza u qed toħloq prosperità ġdida għal uliedna.

Min-naħa tiegħu l-Kap Eżekuttiv ta' Seifert Systems, Michael Seifert, qal li sa mit-twaqqif tal-operat f'pajjiżna fl-1991, illum il-ġurnata l-kumpanija f'Malta tista' titqies bħala l-ikbar waħda fi ħdan il-Grupp kollu.

“L-istess negozju zgħir li beda missieri snin ilu, illum kiber għal kumpanija li qed toffri impjiegi ta' kwalità għolja lil madwar 300 persuna," qal is-Sur Seifert.

F'dan il-kuntest huwa qal li jinsab kburi mmens bil-fatt li l-manifattura tal-prodott isseħħ mill-bidu sal-aħħar f'Malta, grazzi għall-abbiltajiet mill-aqwa li joffri dan is-settur.

“Qegħdin kontinwament nesploraw kif se neradikaw l-impatt negattiv fuq l-ambjent permezz tal-operat sostenibbli tagħna u kuntent inħabbar li Seifert Systems ġiet awditjata u ċċertifikata bħala faċilità ta' manifattura carbon-neutral.

Kburi ħafna li ksibna dan it-tragward speċjali hawn Malta, minn fost il-Grupp Seifert kollu. Entitajiet oħrajn fil-Ġermanja u pajjiżi oħra se jkunu qed isegwu fuq dawn il-miri li rnexxilna nilħqu," qal is-Sur Seifert.

“Permezz tal-binja l-ġdida tagħna se nkunu mgħammra bl-aħħar teknoloġija, b'enfasi qawwi fuq l-eliminazzjoni ta' proċessi ta' ħela, li tagħmilna aktar effiċjenti fl-operat tagħna."

Is-Sur Seifert stqarr ukoll għaliex pajjiżna kien l-għażla naturali biex isseħħ din l-espansjoni infrastrutturali.

“L-għażla kienet ibbażata mhux biss għall-flessibbiltà fl-operat tagħna, iżda wkoll għall-post strateġiku li għandha l-gżira Maltija u l-inċentivi finanzjarji offruti. Grati tal-għajnuna finanzjarja mogħtija mill-Malta Enterprise."

Il-Kap Eżekuttiv temm id-diskors tiegħu billi rringrazzja lill-ħaddiema kollha tal-appoġġ li wrew matul is-snin u rringrazzjahom talli kontinwament juru li jridu jimirħu, jikbru u jiżviluppaw professjonalment.

Preżenti għat-tnedija tal-investiment kien hemm il-Ministru għall-Enerġija, Intrapriża u Żvilupp Sostenibbli Miriam Dalli, il-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri, u l-Ambaxxatur Ġermaniż għal Malta Walter Haßmann.

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Seifert Systems tagħżel lil pajjiżna biex twettaq investiment ta’ €8 miljun u toħloq 100 impjieg ġdid ta’ kwalità
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Seifert Systems tagħżel lil pajjiżna biex twettaq investiment ta’ €8 miljun u toħloq 100 impjieg ġdid ta’ kwalità
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Seifert Systems tagħżel lil pajjiżna biex twettaq investiment ta’ €8 miljun u toħloq 100 impjieg ġdid ta’ kwalità
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Seifert Systems tagħżel lil pajjiżna biex twettaq investiment ta’ €8 miljun u toħloq 100 impjieg ġdid ta’ kwalità
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow