Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU

pr211933
Date Icon 22/10/2021

Il-Prim Ministru Dr Robert Abela ipparteċipa f'laqgħa tal-Kunsill Ewropew li saret bejn il-21 u t-22 ta' Ottubru.

Waqt il-laqgħa, il-mexxejja Ewropej indirizzaw temi importanti u ta' prijorità fosthom il-prezzijiet tal-enerġija, il-pandemija, l-immigrazzjoni, is-saltna tad-dritt u t-trasformazzjoni diġitali.

Il-Ministru għall-Enerġija, Intrapriża u Żvilupp Sostenibbli Dr Miriam Dalli akkumpanjat lill-Prim Ministru fi Brussell fejn iltaqgħet mal-Kummissarju Ewropew għall-Enerġija Kadri Simson.

Iż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija kienet fuqnett tal-aġenda għall-mexxejja Ewropej li lkoll jinsabu mħassba dwar din l-istess żieda. Iddiskutew miżuri li għandhom jittieħdu fosthom fil-qasam ta' renewable energy, fuq livell nazzjonali kif ukoll Ewropew, biex jindirizzaw din il-problema. L-Unjoni Ewropa qablet li tingħata l-flessibilità neċessarja lill-istati membri biex jaraw huma kif għandhom jindirizzaw iż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija skond l-ispeċifiċitajiet tal-pajjiż.

F'kummenti li ta wara t-tmiem tal-Kunsill, il-Prim Ministru qal:

“Pajjiżna poġġa l-pożizzjoni tiegħu ċara illi aħna se nibqgħu nappoġġjaw lin-nies tagħna u lin-negozji tagħna f'kuntest tar-realtajiet partikolari li għandu pajjiżna. Dan kien messaġġ li wassalnih bis-saħħa, tant ukoll illi huwa rifless fil-konklużjonijiet tal-Kunsill. Dik kienet il-policy li addotajna sa minn Marzu tal-2020, li tul il-pandemija kollha rridu nibqgħu nagħtu appoġġ sħiħ lin-nies u n-negozji b'diversi miżuri, bħal wage supplement ewlieni. Bl-istess mod issa la għandna din ir-realtà madwarna ta' żieda fil-prezz tal-fuel madwar id-dinja, żieda fil-prezz tal-enerġija u inflazzjoni aħna rridu nibqgħu hemm biex nkunu dak il-Gvern li nappoġġjaw lin-nies kollha biex iż-żieda fil-prezzijiet ma tiġix riflessa bħala piżijiet ġodda fuq in-nies."

Il-ġlieda kontra l-pandemija tal-COVID-19 kienet ukoll fost il-prijoritajiet fuq l-aġenda tal-mexxejja Ewropej hekk kif iddiskutew il-lezzjonijiet li ttieħdu mill-istess pandemija, fosthom il-kampanja ta' vaċċinazzjoni u l-importanza li kull stat membru tal-Unjoni Ewropea jkollu aċċess għall-mediċina. Il-mexxejja qablu fuq solidarjetà internazzjonali u kkommettew li jaħdmu flimkien biex il-programm ta' tilqim ikun aċċessibbli u disponibbli għal kulħadd.

Id-diskussjoni dwar l-immigrazzjoni iffokat l-iktar fuq kooperazzjoni mal-pajjiżi minn fejn jiġu l-immigranti, u l-protezzjoni tal-fruntiera esterna tal-Ewropa. Intlaħaq ftehim bejn l-istati membri li jrid isir aktar investiment f'pajjiżi li huma “partners" tagħna, bħal-Libja, biex jissaħħaħ il-proċess ta' żvilupp fil-pajjiż u jitnaqqas l-influss ta' immigranti deħlin l-Ewropa.

Ingħatat importanza lis-saltna tad-dritt b'mod partikolari fl-isfond ta' dak li seħħ fil-Polonja u s- sejħiet ripetuti tal-Parlament Ewropew biex il-Fondi Ewropej ikunu marbuta ma' dan il-qasam. Il-Prim Ministru aċċenna li f'Malta, fl-aħħar għoxrin xahar saru riformi kbar u bla preċedent biex inkomplu nsaħħu s-saltna tad-dritt f'pajjiżna. Liema riformi huma tanġibbli u diġà qed jinħass l-effett tagħhom.

Waqt il-kunsill, ġiet diskussa t-trasformazzjoni diġitali li għandha twassal biex jissaħħaħ it-tkabbir ekonomiku u l-kompetittività, kif ukoll toħloq impjiegi ġodda.

Il-mexxejja Ewropej iddiskutew ukoll il-kummerċ tal-Ewropa ma' pajjiżi esterni u ħarsu lejn avvenimenti internazzjonali importanti li ser jittellgħu fil-ġimgħat li ġejjin.

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow