Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Malta li rridu għal uliedna: żieda ta’ 40% fl-allokazzjoni finanzjarja għal Malta iktar ugwali u iktar innovattiva

pr211929
Date Icon 22/10/2021

Waqt konferenza tal-aħbarijiet dwar il-baġit għas-sena 2022, bit-tema 'Malta li rridu għal uliedna', il-Ministru għall-Ugwaljanza, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Owen Bonnici ħabbar li fejn jidħlu l-oqsma tal-ugwaljanza u tal-innovazzjoni, bis-saħħa tal-baġit li għadu kemm ġie ppreżentat, se jkun hemm żieda ta' 40 fil-mija fl-allokazzjoni finanzjarja meta mqabbel mal-baġit tas-sena li għaddiet. 

Il-Ministru Bonnici spjega li bis-saħħa ta' din l-allokazzjoni, se jitwettqu tnejn u għoxrin punt ta' ħidma f'dawn l-oqsma li huma tant importanti għal kwalità ta' ħajja aħjar u għat-tisħiħ tas-soċjetà tagħna.

Huwa qal li fil-jiem li ġejjin se tibda d-diskussjoni parlamentari dwar liġi ġdida, li l-abbozz tagħha diġà ġie ppubblikat u spjegat pubblikament, li se tirriforma l-qafas legali marbut mal-użu tal-kannabis bħala miżura b'saħħitha ħafna ta' harm reduction. Fost it-tibdiliet li se jitwieldu minn din ir-riforma, se titwaqqaf awtorità ġdida b'diversi obbligi, fosthom dak regolatorju kif ukoll edukattiv.

Fejn jidħol is-settur tal-innovazzjoni, qal li inizjattiva importanti u li l-frott tagħha jidher fit-tul hija dik li flimkien mal-Università ta' Malta u mal-Kamra tal-Kummerċ, Intrapriża u Industrija, ġiet introdotta post doc fellowship fl-industrija. Għal din l-iskema, il-gvern alloka nofs miljun ewro. Din hija l-ewwel skema strutturata li qatt ser issir f'Malta f'dan il-qasam. 

“Dan il-ftehim se jkompli jsaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn l-akkademja u s-settur privat għat-tixrid tal-għarfien filwaqt li joħloq opportunitajiet akbar ta' riċerka post-Phd għall-ġid tal-ekonomija għal Malta", qal il-ministru, filwaqt li semma li se titnieda skema simili mal-gradwati tal-MCAST biex ninkoraġġixxu r-riċerka xjentifika u teknoloġika immirata biex tgħin lejn tkabbir ekonomiku.

Qal ukoll li l-ministeru fetaħ djalogu ma' istituzzjonijiet barranin ta' riċerka fosthom UKRI, Dubai Future Foundation, l-Università ta' Sheffield u universitajiet u science parks fil-Mediterran għal iktar kollaborazzjoni, u ġew allokati €200,000 għal dan l-għan. Dan minbarra l-programmi importanti ta' internazzjonalizzazzjoni li Malta diġà qed tipparteċipa fihom bis-saħħa tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija.

Il-Ministru Bonnici tkellem ukoll dwar il-programm Horizon Support Measures li għandu l-għan li jiffaċilita l-parteċipazzjoni ta' riċerkaturi u ta' entitajiet Maltin fl-EU Framework Programme Horizon Europe.

Irrefera wkoll għal programm ġdid ta' fondi bl-isem Go to Market, li se jkun immexxi mill-MCST. Din l-inizjattiva għandha l-għan li tipprovdi għall-passi finali f'avvanzi xjentifiċi u teknoloġiċi b'relazzjoni mat-twassil tal-prodott jew servizz fl-ambjent operazzjonali.

Il-Ministru Bonnici tkellem ukoll dwar l-implimentazzjoni tal-istrategija post-pandemika u qal li l-kumitat inkarigat issa ser jiġbor ukoll data u informazzjoni esperta sabiex jassigura li Malta tibqa' sostenibbli, kompetittiva u reżiljenti u li toffri l-aħjar kwalità ta' ħajja għaċ-ċittadini tagħha.

Il-kumitat ser jaħdem ukoll flimkien u jikkollabora ma' diversi msieħba dwar inizjattivi, programmi u skemi li jiżguraw li r-rakkomandazzjonijiet tal-istrateġija jiġu implimentati. Waħda minn dawn l-inizjattivi se tkun iffukata biex tippromwovi l-benesseri fis-soċjetà, b'aċċenn fuq min qed isofri mill-konsegwenzi tal-pandemija.

Fl-istess waqt, il-Fondazzjoni għall-Aċċessibbiltà tal-Informatika (FITA) se tkabbar l-inizjattivi tagħha favur il-persuni vulnerabbli u n-nies b'diżabbiltà u dan bis-saħħa ta' allokazzjonijiet finanzjarji ġodda.

Il-Ministru Bonnici qal li fejn jidħol il-kamp tal-ugwaljanza se tingħata prijorità lill-ġlieda kontra l-vjolenza domestika b'kampanja ta' għarfien nazzjonali li tindirizza l-ħsara miġjuba, fost l-oħrajn, mill-oġġettifikazzjoni u mis-sesswalizzazzjoni tan-nisa.

Qal ukoll li se jiġi implimentat il-proġett Empowerment for Diversity (E4D) li jinkludi riċerka dwar diskriminazzjoni lejn persuni LGBTIQ+. Qal li se jitkompla wkoll ix-xogħol marbut ma' żewġ abbozzi ta' liġijiet dwar l-ugwaljanza li qegħdin fi stadju ta' kumitat.

Huwa spjega li tragward ieħor importanti hu ċentru ġdid għall-komunità LGBTIQ, li se jinkludi wkoll faċilitajiet li jistgħu jakkomodaw u jitgawdew mis-soċjetà ċivili fil-qadi tal-missjoni tagħha.

Il-Ministru Owen Bonnici semma wkoll li se tissokta l-ħidma kontra t-traffikar uman, se tkun qed tiġi implimentata l-istrateġija u pjan ta' azzjoni nazzjonali għall-ugwaljanza u l-integrazzjoni tal-ġeneru kif ukoll se tkompli tiġi implimentata l-Istrateġija Nazzjonali kontra r-Razziżmu.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Malta li rridu għal uliedna: żieda ta’ 40% fl-allokazzjoni finanzjarja għal Malta iktar ugwali u iktar innovattiva
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Malta li rridu għal uliedna: żieda ta’ 40% fl-allokazzjoni finanzjarja għal Malta iktar ugwali u iktar innovattiva
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Malta li rridu għal uliedna: żieda ta’ 40% fl-allokazzjoni finanzjarja għal Malta iktar ugwali u iktar innovattiva
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow