Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX: Għawdex allokat l-akbar baġit fl-istorja b’€27 miljun għall-proġetti kapitali, b’żieda ta’ €5 miljun fuq is-sena l-oħra

pr211887
Date Icon 14/10/2021

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri indirizza konferenza tal-aħbarijiet fiċ-Ċentru Akkwatiku u Sportiv fil-belt Victoria, fejn stqarr li dan il-Baġit se jkompli jinċentiva t-tkabbir ekonomiku sostenibbli f'Għawdex u l-prosperità tal-Għawdxin u ta' kull min jagħżel lil Għawdex bħala d-dar tiegħu. Hekk kif verament jemmen fil-potenzjal tal-gżira Għawdxija u li l-Għawdxin għandhom ikollhom l-aqwa kwalità ta' ħajja, Għawdex ġie allokat l-akbar baġit fl-istorja b'€27 miljun għall-proġetti kapitali, li tfisser żieda ta' €5 miljun fuq is-sena l-oħra. Il-Ministru Camilleri qal li l-Baġit 2022 bit-tema 'Malta li rridu għal uliedna' huwa sinjal ċar tal-ħidma u tal-viżjoni li għandu dan il-gvern taħt it-tmexxija tal-Prim Ministru Robert Abela.

Sostna kif il-programm vast ta' proġetti infrastrutturali kif ukoll l-investimenti li qegħdin isiru se jservu biex l-ekonomija Għawdxija tkun aktar reżiljenti, aktar dinamika u tirpilja aktar malajr mill-effetti tal-pandemija, sabiex tkompli toħloq opportunitajiet ġodda. Hawnhekk, fakkar kif, bil-politika tal-gvern, naqqasna l-faqar, l-irkupru ekonomiku beda b'saħħa u din is-sena f'Għawdex, lejn it-tmiem tal-pandemija, irreġistrajna l-inqas rata ta' qgħad fl-istorja fil-gżira. Il-Ministru Clint Camilleri qal li d-diversi skemi li ġew implimentati fl-aħħar snin kienu ta' xprun biex jinħoloq aktar xogħol f'Għawdex. Spjega għalhekk li se jiġu estiżi l-Employment Refund Scheme, it-Teleworking Scheme, l-iskemi fil-qasam tal-MICE, u se jkunu qed jitjiebu l-Back Office Employment Refund Scheme u skemi ta' appoġġ promozzjonali lill-intraprizi Għawdxin li joperaw b'mod speċjali fis-settur tal-innovazzjoni digitali, tat-teknoloġija tal-internet u fis-settur turistiku.

Il-Ministru kompla jelenka wħud mill-miżuri li tħabbru fil-Baġit 2022 għall-gżira Għawdxija, fosthom €11-il miljun għall-kostruzzjoni u t-titjib tat-toroq madwar Għawdex. Fakkar li din is-sena biss sa Settembru 2021 tlestew madwar 34,000 metru kwadru ta' toroq ġodda u, b'kollaborazzjoni sħiħa mal-kunsilli lokali, se ssir ukoll ir-riġenerazzjoni tal-pjazza ewlenija tal-Munxar u Ta' Sannat. Dan filwaqt li se tkompli l-implimentazzjoni ta' proġett ta' restawr jew bini mill-ġdid ta' ħitan tas-sejjieħ madwar Għawdex kollu b'fondi Ewropej li jlaħħqu 'l fuq minn €10 miljun, sabiex f'numru ta' lokalitajiet Għawdxin jiġu rranġati 'l fuq minn 30 kilometru ta' ħitan tas-sejjieħ.

Huwa semma li se tibda topera l-ewwel reverse osmosis iddisinjata mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma f'Ħondoq ir-Rummien f'Għawdex, b'investiment ta' madwar €11-il miljun, filwaqt li ġew allokati €6 miljun sabiex jitkomplew ix-xogħlijiet fuq iċ-Ċentru Akkwatiku u Sportiv. Hawn, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri stqarr li dan huwa l-ikbar investiment għall-qasam sportiv li qatt sar għal Għawdex.

Waqt l-istess konferenza, qal li €2.5 miljun ġew allokati sabiex jitkompla x-xogħol fuq il-Mużew ta' Għawdex, li se jkun l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu f'Għawdex. Semma li Għawdex ngħata wkoll l-ikbar allokazzjoni ta' aktar minn €1 miljun sabiex ikompli jippromwovi u jiżviluppa l-prodott turistiku u jattira iżjed turisti, kif ukoll aktar minn €1 miljun sabiex inkomplu ntejbu l-attivitajiet u l-inizjattivi kulturali.

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri spjega li sabiex tkompli titjieb il-konnettività bejn Malta u Għawdex, se jiġu mmodernizzati l-faċilitajiet tal-heliport fix-Xewkija u qed issir ħidma bis-sħiħ fuq konnessjoni bl-ajru. Dan se jikkumplimenta ħafna t-titjib li sar fil-konnettività ta' Għawdex ma' Malta u lil hinn, kemm dik fiżika, bir-raba' vapur li qed jopera fil-fliegu u bl-operat tal-fast ferry service, kif ukoll dik tal-konnettività diġitali bit-tieni fibre optic cable li tlesta bejn Malta u Għawdex u li jagħti serħan il-moħħ lill-industrija diġitali sabiex topera mill-gżira Għawdxija.

Huwa fakkar li qed naħsbu wkoll għall-akkomodazzjoni għal studenti Għawdxin u qraba ta' pazjenti rikoverati f'Malta. Minbarra l-benefiċċju għall-kiri ta' akkomodazzjoni li qed jingħata lill-istudenti Għawdxin, l-istudenti se jkomplu jiġu megħjuna b'dan il-proġett. Ix-xogħol strutturali f'Villa Lauri tlesta. Il-Ministru Camilleri kompla jgħid li dan huwa gvern li jinvesti fil-kwalità tal-ħajja tan-nies u jemmen fil-prinċipju li kull persuna għandha tkun u tħossha inkluża fis-soċjetà tagħna. Għalhekk, Għawdex ġie allokat €2.3 miljun għal servizzi fil-komunità li jsaħħu l-inklużjoni.

Il-Ministru Camilleri qal li jemmen li, għall-ewwel darba, permezz ta' dan il-Baġit, se tkun indirizzata bis-sħiħ ir-rijabilitazzjoni ta' postijiet antiki u ta' karattru b'mod partikulari f'Għawdex. Il-fatt li min jixtri propjetà qadima li ilha ma tkun abitata u proprjetajiet f'UCA se jkun eżenti mit-taxxi tat-trasferiment tal-boll hija miżura bla preċedent, sabiex nikkonservaw il-wirt storiku ta' gżiritna. Aktar minn hekk, ir-rifużjoni tal-VAT fuq ir-restawr ta' proprjetajiet antiki tkompli ssaħħaħ il-messaġġ favur il-konservazzjoni tal-karattru arkitettoniku ta' pajjiżna. Fuq dan kollu, u speċifiku għal Għawdex, il-first-time buyers li jixtru proprjetà vakanti jew f'UCA jew bi stil tradizzjonali f'Għawdex se jirċievu grant bil-valur doppju, jiġifieri €30,000. Hu fisser din il-miżura bħala importanti biex iżjed żgħażagħ u koppji Għawdxin jibnu l-futur tagħhom f'Għawdex.

Huwa esprima kif dawn il-miżuri elenkati huma fost ħafna oħrajn li ġew ippreżentati f'dan il-Baġit, li jkomplu jikkonfermaw li Għawdex se jkun il-mudell ta' prosperità ġdida li se nibnu fis-snin li ġejjin – ċentru tal-innovazzjoni u l-bidla f'pajjiżna. Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri temm jgħid li se nkomplu nsebbħu lil pajjiżna, il-familji tagħna ħa jkomplu jgħixu kwalità ta' ħajja aħjar, b'għajnuniet għal min jaqla' inqas, b'pensjonijiet ogħla, iktar dħul għall-familji tagħna, inqas taxxi għall-bieżel, iktar opportunitajiet u prijoritajiet ġodda. Pajjiż b'saħħtu u ġust. Huwa għalhekk li nistgħu nitkellmu fuq 'Malta li rridu għal uliedna'.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX: Għawdex allokat l-akbar baġit fl-istorja b’€27 miljun għall-proġetti kapitali, b’żieda ta’ €5 miljun fuq is-sena l-oħra
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX: Għawdex allokat l-akbar baġit fl-istorja b’€27 miljun għall-proġetti kapitali, b’żieda ta’ €5 miljun fuq is-sena l-oħra
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX: Għawdex allokat l-akbar baġit fl-istorja b’€27 miljun għall-proġetti kapitali, b’żieda ta’ €5 miljun fuq is-sena l-oħra
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow