Left arrow Go Back

​ STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAS-SOLIDARJETÀ U L-ĠUSTIZZJA SOĊJALI, IL-FAMILJA U D-DRITTIJIET TAT-TFAL Is-seba’ żieda għall-pensjonanti

pr211879
Date Icon 13/10/2021

“Matul is-sena 2022, in-nefqa fuq benefiċċji soċjali se tqarreb il-€1.2 biljun, illi l-maġġoranza tagħhom se tmur fuq pensjonijiet lil madwar 95,000 pensjonant. Aħna qegħdin hemm għan-nies, għall-potenzjal ta’ kull Malti u Għawdxi. Hekk qed ninvestu fin-nies u mhux naħlu l-flus. Dan b’kuntrast mal-Oppożizzjoni li ssejjaħ dan l-investiment bħala ħela ta flus u teatrin”, saħaq il-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon waqt li kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet bit-tema marbuta maż-żieda fil-pensjonijiet, li tħabbru fil-Baġit għas-sena d-dieħla.

Il-Ministru Michael Falzon qal li dan il-Gvern żamm kelmtu mal-pensjonanti kollha, li se jkunu qed igawdu minn żieda ta’ €5 fil-ġimgħa; €3.25 li hija ż-żieda addizzjonali u €1.75 li huma ż-żieda għall-għoli tal-ħajja.

B’hekk kull pensjonant se jgawdi minn żieda ta’ €260 fis-sena. Din iż-żieda lill-pensjonanti kollha tas-sigurtà soċjali qed issir b’investiment ta’ €24 miljun. B’hekk Jannar 2022 se jfisser l-introduzzjoni tas-seba’ żieda konsekuttiva fil-pensjonijiet.

Il-Ministru Michael Falzon stqarr li kull pensjonant żdied b’€14.18 fil-ġimgħa, meta wieħed iqabbel is-sena 2022 mas-sena 2018. Il-Ministru qal li mhux talli nżammet l-wegħda tal-Manifest Elettorali, talli din is-somma nqabżet kważi bid-doppju. Meta wieħed jiġbor is-somma li tinkludi ż-żidiet għall-għoli tal-ħajja, din titla’ bi €11.07 oħra għal €25.25.

Kull pensjonant żdied b’minn tal-inqas €737.36 fis-sena f’żidiet diretti fil-pensjoni, meta jikkumpara s-sena 2022 mas-sena 2018. Jekk magħhom jiżdiedu ż-żidiet għall-għoli tal-ħajja (COLA), iż-żieda totali tammonta  għal €1,313.

Iż-żidiet fil-pensjonijiet bdew fuq żewġ kategoriji fis-sena 2016, u komplew fl-2017, u dawn kienu japplikaw ghal pensjonanti fuq l-pensjoni minima u l-pensjoni tal-eta’. 

Mill-2018 iż-żidiet bdew jingħataw lill-pensjonanti kollha.

Il-Ministru Falzon qal li dan il-Gvern  japprezza x-xogħol kbir li wettqu l-pensjonanti fil-passat u ta’ dan il-Gvern se jibqa’ grat lejhom u se jkompli jirrikonoxxi l-impenn tagħhom fis-soċjetà. Il-Ministru Michael Falzon innota li waqt sena ta’ pandemija, minkejja kollox, kien hemm tnaqqis ta’ persuni 65+ f’riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali.

Il-Ministru Falzon qal li kif għall-ewwel darba 1,200 persuna ser jibdew jieħdu pensjoni. Dan wara li tkomplew jiġu indirizatti sitwazzjonijiet fejn persuni, għalkemm kienu ħallsu 10 snin bolla, ma kellhomx bolol mħallsa biżżejjed sabiex jieħdu l-pensjoni. Din is-sena twettqet  ġustizzja ma’ aktar minn 800 persuna, fil-maġġoranza tagħhom nisa, li kkwalifikaw għal pensjoni tal-irtirar imnaqqsa billi ttieħdu inkunsiderazzjoni l-bolol li ħallsu meta kienu fl-impjieg qabel għalqu l-eta ta’ 19-il sena.

Sal-lum għad hemm madwar 1,200 persuna li ħallsu mill-anqas 10 snin bolol imma għadhom mhux intitolati għall-pensjoni għax ma ħallsux bolol minn Jannar 1979 ’il quddiem. Dawn ukoll issa ser jibdew jikkwalifikaw għall-ekwivalenti tal-anqas rata tal-pensjoni taż-żewġ terzi li hi ta’ madwar €50 fil-ġimgħa b’nefqa totali ta’ €3.2 miljun.

Barra minn hekk, persuni li jkunu laħqu l-età ta’ 59 sena, li jkollhom xi kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali neqsin u li jkunu qed jirċievu l-pensjoni tal-invalidità, ser ikunu jistgħu jħallsu sa 5 snin ta’ kontribuzzjonijiet b’lura wkoll.

Aktar faxex ta’ pensjonanti li se jibbenefikaw minn żidiet

• Għajnuna supplimentari – li ħafna minnhom se jirċievuha l-pensjonanti. 

• Karta r-Roża -  għal dawk ’il fuq minn tmenin sena u li qed jieħdu l-għajnuna supplimentari. 

• Aġġustament għat-tneħħija mit-taxxa fuq il-pensjonijiet, se ngħollu l-massimu ta’ dħul minn pensjonijiet għal €14,318.  

Lil dawk il-koppji b’pensjoni u għandhom komputazzjoni ta’ miżżewġin se jkomplu jgawdu minn €3,600 dħul ieħor li jkun eżentat minn ħlas ta’ taxxa.

• Se nneħħu dħul mill-pensjoni milli jiġi kkalkulat bħala dħul sabiex ninkoraġġixxu l-pensjonanti jibqgħu attivi u jkomplu jaħdmu. 

• Aġġustament b’mod gradwali fil-pensjoni tar-romol, biex tkun l-istess bħal tal-konjuġi tagħhom meta jiġu nieqsa u sussegwentament jibqgħu jieħdu ż-żidiet kollha mogħtija mill-Gvern. Se jgawdu 12,000 pensjonant minn żieda massima ta’ €5 fil-ġimgħa b’nefqa totali ta’ €3.3m. Din ukoll hija Proposta Elettorali oħra li qiegħda titwettaq.

• Żieda oħra ta’ €150 fil-bonus annwali għall-anzjani li ma jikkwalifikawx għall-pensjoni kontributorja li laħqu l-età tal-irtirar iżda ma jikkwalifikawx għall-pensjoni għax ma kellhomx biżżejjed kontribuzzjonijiet. Madwar 12,500 persuna, l-aktar nisa, ser igawdu minn din iż-żieda b’nefqa totali ta’ kważi €2m. Din ser tkun ir-raba’ u l-akbar żieda. B’kollox se jkun hemm żieda ta’ €500.

• Żieda fil-pensjoni tas-servizz għal darb’oħra b’€200 li ġeneralment kien jiġi injorat fl-assessjar tal-pensjoni tas-sigurtà soċjali. Se titla’ għal €3,066.

• B’hekk ser inkunu wettaqna kompletament il-wegħda li ntejbu l-pensjonijiet tas-servizz. Ser igawdu madwar 3,250 pensjonant tas-servizz, b’nefqa totali ta’ €2.7m.

• Miżura favur ħaddiema part-time b’aktar minn impjieg wieħed. Opportunità lill-ħaddiema t’issa biex meta jaslu biex jirtiraw ngħinuhom ikollhom pensjoni aħjar, jibdew iħallsu l-bolla tas-sigurtà soċjali fuq aktar minn xogħol part-time wieħed sa massimu ta’ 40 siegħa xogħol fil-ġimgħa. Potenzjal ta’ madwar 10,000 ħaddiem ser igawdu minn din il-miżura. 

• Persuni intitolati għal pensjoni għal korriment fuq ix-xogħol u li jibqgħu jaħdmu biex kemm idumu jaħdmu ma jkollhomx tnaqqis minn benefiċċji futuri tal-mard, tal-qgħad jew ta’ xi korriment fuq ix-xogħol, li jistgħu japplikaw għalihom.  

• Ħlas fuq part-time intaxxat issa b’10% minflok 15%.

• Żieda f’dik li hi l-għajnuna supplimentari fejn allura tassew qegħdin nwieżnu l-aktar lil dawk li għandhom bżonn għajnuna.

pr211879d.pdf

​ STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAS-SOLIDARJETÀ U L-ĠUSTIZZJA SOĊJALI, IL-FAMILJA U D-DRITTIJIET TAT-TFAL Is-seba’ żieda għall-pensjonanti
​ STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAS-SOLIDARJETÀ U L-ĠUSTIZZJA SOĊJALI, IL-FAMILJA U D-DRITTIJIET TAT-TFAL Is-seba’ żieda għall-pensjonanti
​ STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAS-SOLIDARJETÀ U L-ĠUSTIZZJA SOĊJALI, IL-FAMILJA U D-DRITTIJIET TAT-TFAL Is-seba’ żieda għall-pensjonanti
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow