DISKUSSJONI FIL-MEUSAC DWAR IL-FOND EWROPEW GĦALL-INVESTIMENTI STRATEĠIĊI
Pjan ta’ €315-il biljun f'investimenti sabiex tagħti spinta lill-impjiegi u lit-tkabbir madwar l-UE
Waqt laqgħa tal-Core Group tal-MEUSAC, kien diskuss il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi. Fit-13 ta’ Jannar li għadda, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS).
Il-Pjan ta’ Investiment imħabbar mill-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker f’Novembru tas-sena l-oħra kien diġà beda jiġi diskuss mal-Prim Ministru Joseph Muscat waqt il-laqgħa tal-Core Group f’Diċembru li għadda.
Fl-introduzzjoni tagħha, il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili Helena Dalli qalet li l-President Juncker, fil-Linji Gwida Politiċi tiegħu għall-Kummissjoni 2014–2019, poġġa din il-kwistjoni bħala sfida politika kruċjali biex jirkupra l-livell ta’ investiment fl-UE li fil-kriżi naqas b’madwar 15%. Hija spjegat kif il-Pjan huwa bbażat fuq tliet pilastri li jsaħħu lil xulxin:
(i) Il-mobilizzazzjoni ta’ mill-inqas €315 biljun f’investiment addizjonali matul it-tliet snin li ġejjin, li jimmassimizza l-impatt tar-riżorsi pubbliċi u jillibera l-investiment privat.
(ii) Inizjattivi li jiżguraw li din iż-żieda fl-investiment tkun tissodisfa l-ħtiġijiet tal-ekonomija reali.
(iii) Miżuri biex jipprovdu għal prevedibbiltà regolatorja akbar u biex iwarrbu l-ostakli għall-investiment, biex b’hekk l-Ewropa ssir aktar attraenti u għaldaqstant jiġi mmultiplikat l-impatt tal-Pjan.
Matthew Buttigieg, Senior Financial Analyst mill-Ministeru għall-Finanzi qal li l-Pjan ta’ Investiment huwa maħsub li jissarraf f’investimenti fi proġetti, l-aktar mis-settur privat, li jissarrfu fit-tkabbir tal-ekonomija reali. Il-Fond se jkun qiegħed jgħin l-investiment, peress li għalkemm fis-suq hemm likwidità biżżejjed, l-investituri mhumiex iqisu li jistgħu jirriskjaw biżżejjed billi jinvestu.
Is-Sur Buttigieg qal li l-FEIS diġà għandu l-bażi ta’ kif jaħdem permezz tal-Bank Ewropew għall-Investiment (EIB) u l-Fond Ewropew ta’ Investiment (EIF) li jiffoka fuq l-Intrapriżi Żgħar u Medji (SMEs). B’hekk mhux ser ikun hemm bżonn ta’ regoli ġodda dwar kif jaħdem, u meta jiġi approvat mill-Kunsill tal-UE u mill-Parlament Ewropew, għall-ħabta ta’ Ġunju li ġej, ikun jista’ jibda jitħaddem biex b’investimenti mill-privat jiskatta l-investiment tal-Pjan Ewropew għall-Investiment. Huwa qal ukoll li l-Kummissjoni Ewropea allokat €8 biljun bħala garanzija għall-FEIS. Dawn il-flus jistgħu jintużaw biex proprju jħajru investituri privati jidħlu għar-riskji tal-investimenti tagħhom.
Buttigieg spjega kif il-punti pożittivi ta’ dan il-Fond huma li huwa strument flessibbli u li jista’ jintuża minn investituri f’pajjiżi differenti. L-investimenti jistgħu jsiru f’kwalunkwe settur, sakemm is-settur ikun vijabbli ekonomikament, u sakemm ikun involut kemm jista’ jkun is-settur privat. Dan il-Fond għandu jkun disponibbli għal tliet snin u wara dan iż-żmien, issir investigazzjoni mill-EIB dwar kemm ikun irnexxa, waqt li tittieħed id-deċiżjoni għandux jitkompla.
B’riferenza għall-opportunitajiet ta’ investiment f’Malta minn dan il-Fond, is-Sur Buttigieg qal li bħalissa qiegħed isir xogħol biex jinstabu promuturi tal-proġetti biex kemm is-settur privat u b’mod partikolari l-SMEs itejbu l-kompetittività u jinvestu fi proġetti b’ċerti riskji.
Għal diversi mistoqsijiet li saru, is-Sur Matthew Buttigieg qal li m’hemm l-ebda indikazzjoni li se tingħata preferenza lil setturi jew reġjuni partikolari u lanqas li se jkun hemm distinzjoni bejn pajjiżi kbar u żgħar, bħalma lanqas se jkun hemm limitu minimu jew massimu tal-kobor tal-proġetti proposti taħt dan il-Fond. Fir-rigward tal-SMEs, qal li se tissaħħaħ l-għajnuna li qed jingħataw bl-Inizjattiva għall-SMEs b’żieda ta’ €5 biljun iktar permezz ta’ dan il-Fond.
Lejn tmiem il-laqgħa, is-Sur Victor Camilleri, Direttur Eżekuttiv (Programmi u Taħriġ) ta aġġornament dwar il-preparazzjonijiet għall-Presidenza ta’ Malta tal-Kunsill tal-UE fl-2017.
Semma kif fil-ġimgħat li ġejjin se jkunu qed isiru iktar laqgħat maż-żewġ pajjiżi oħra li se jkollhom il-Presidenza fl-2016 u li jagħmlu parti mill-hekk imsejjaħ ‘Trio’, jiġifieri l-Olanda u s-Slovakkja, sabiex jiġi diskuss programm konġunt ta’ 18-il xahar ħidma. Huwa qal li bħalissa waslet f’fażi avvanzata l-għażla ta’ uffiċjali li se jaħdmu fir-Rappreżentanza Permanenti ta’ Malta fi Brussell matul il-Presidenza u qegħdin isiru wkoll it-tħejjijiet dwar il-laqgħat informali u attivitajiet oħra li ser isiru f’Malta fl-ewwel sitt xhur tal-2017, fosthom bl-involviment tas-soċjetà ċivili.
Dott. Vanni Xuereb, Kap tal-MEUSAC, qal li l-preparamenti għall-Presidenza, huma opportunità biex is-soċjetà ċivili tibda tkun involuta minn issa u tieħu sehem attiv f’dan l-avveniment importanti għal Malta.
Stqarrijiet Oħra:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046