STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU
Fil-każ tal-kuntratt tal-Cafè Premier, il-Gvern kien proattiv u aġixxa, sabiex jiġbor lura mingħand is-sidien, miljun ewro li kienu tħallew pendenti mill-amministrazzjoni preċedenti u sabiex sit ewlieni fil-Belt kapitali ta’ Malta jerġa’ jirritorna għand il-Gvern u jkun jista’ jintuża wkoll għall-skopijiet pubbliċi u produttivi.
Amministrazzjonijiet preċedenti kienu ilhom is-snin jippruvaw jieħdu l-flus dovuti lilhom mis-sidien ta' Cafè Premier.
Fl-ewwel xhur tiegħu, dan il-Gvern ġie ppreżentat b’żewġ soluzzjonijiet:
1. Jew jiftaħ kawża lis-sidien ta Cafè Premier bil-konsegwenza li s-sit ma jkunx jista' jintuża għal numru ta’ snin u jkollna sit dilapidat fiċ-ċentru tal-Belt Valletta u l-possibbiltà li l-gvern ma jkunx jista’ jirkupra l-flus li kienu dovuti lilu.
2. Jew inkella jiġbor flusu lura, u jħallas lis-sidien ta’ Cafè Premier għall-bqija taċ-ċens biex jieħu s-sit lura.
Dan il-Gvern qatt ma beża’ jieħu d-deċiżjonijiet li hemm bżonn, u fl-aħjar interess tal-poplu Malti, ddeċieda li jieħu s-sit lura u jiġbor il-flus dovuti. Din id-deċiżjoni ttellgħet ukoll għall-approvazzjoni tal-kabinett.
Quddiem l-allegazzjoni dwar kummissjoni li tħallset, xhur ilu l-Prim Ministru talab lill-Pulizija biex tinvestiga. Din l-investigazzjoni kkonkludiet li f'dan il-każ ma kien hemm l-ebda aġir illegali.
Fl-istess ħin lanqas l-Awditur Ġenerali ma sab l-ebda aġir illeċitu. Fil-fatt fir-rapport tiegħu, l-Awditur Ġenerali jgħid li l-valur tal-propjetà kien jirrifletti l-prezz tas-suq.
Il-valur tal-Cafè Premier kien kkonfermat ukoll minn tliet esperti, inkluż konsulent tekniku tal-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali, li lkoll qablu li l-valur imħallas mill-gvern huwa ġust.
Is-suġġeriment tal-Awditur Ġenerali li l-affarijiet proċedurali setgħu jsiru aħjar kien milqugħ mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
L-allegazzjoni tal-Oppożizzjoni li l-Prim Minsitru kellu xi ftehim mas-sidien ta’ Cafè Premier juri biċ-ċar li l-Partit Nazzjonalista għadu jkejjel l-aġir ta’ din l-amministrazzjoni b’xibru.
Il-kuntratt ta’ Cafè Premier jinsab miftuħ għal kwalunkwe skrutinju pubbliku u l-Gvern jilqa' dan l-iskrutinju.
Stqarrijiet Oħra:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046