INVESTIGAZZJONI DWAR L-AKKWIST MILL-GVERN TA’ CAFÉ PREMIER
Fid-19 ta’ Awwissu 2014, il-Membri tal-Oppożizzjoni fuq il-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi, flimkien mal-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali ta’ dak iż-żmien, talbu lill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) sabiex jinvestiga l-allegazzjonijiet li l-Gvern kien ħallas €4,200,000 biex jakkwista lura l-fond magħruf bħala l-Café Premier. Il-Gvern kien ċeda dan il-fond lil Cities Entertainment Ltd (CE) fl-1998.
Dan il-proċess ta’ akkwist beda kmieni f’April 2013, meta Direttur ta’ CE kiteb lill-Prim Ministru. In-negozjati bejn CE u l-Gvern ġew konklużi f’Awwissu 2013, u l-approvazzjoni meħtieġa tal-Kabinet ingħatat f’Settembru 2013. Sussegwentement, il-kuntratt bejn il-partijiet ġie ffirmat fid-29 ta’ Jannar 2014, fejn il-Gvern akkwista lura l-utile dominium taċ-ċens temporanju tal-fond għas-somma ta’ €4,200,000.
L-NAO għandu riservi dwar il-mod kif sar dan l-akkwist. Għalkemm l-ammont imħallas mill-Gvern kien jirrifletti l-valur tas-suq, dan mhux neċessarjament sarraf f’valur għall-flus. In-nuqqas ta’ konsiderazzjoni u dokumentazzjoni ta’ possibbiltajiet oħra li setgħu ġew meqjusa jillimita l-NAO milli jgħid jekk l-iskop tal- valur għall-flus intlaħaqx. Alternattiva li setgħet ġiet ikkunsidrata kienet azzjoni legali, li l-Gvern kien beda, iżda li ma kompliex. Dan wassal għall-irtirar tal-azzjoni legali, liema deċiżjoni ma ngħatatx ġustifikazzjoni ċara għaliha u li ma kinitx dokumentata. Dan l-aġir naqqas mil-livell ta’ trasparenza mistenni f’deċiżjonijiet bħal dawn, speċjalment meta wieħed jikkonsidra li l-kerrej, CE, kien kiser waħda mill-kundizzjonijiet tal-ftehim tal-kera. Hawn, CE naqas milli jħallas l-arretrati dovuti u qabeż il-limitu stipulat tat-tliet snin kera meta kienu għadhom kif bdew in-negozjati mal-Gvern. Fattur ewlieni li wassal għal din is-sitwazzjoni kien in-nuqqas min-naħa tal-Gvern li jinvolvi d-Dipartiment tal-Propjetà tal-Gvern mill-bidu tan-negozjati.
| Il-ġustifikazzjoni tal-Gvern għall-akkwist tal-Café Premier tiffoka fuq erba’ objettivi prinċipali, li kienu, | it-tneħħija ta’ periklu għall-Biblijoteka Nazzjonali u aċċessibilità aħjar għaliha, li tissolva l-problema ta’ arretrati dovuti minn CE, u t-tfassil mill-ġdid tal-ispazju tal-fond. L-NAO jikkonsidra l-fatt li ma kienx hemm dokumentazzjoni li ssostni dawn l-objettivi bħala nuqqas sinifikanti. |
| Fl-aħħar nett, l-NAO stabbilixxa li l-pagament ta’ €210,000 lil M&A Investments Ltd kien pagament lil intermedjarju, jiġifieri senserija jew ħlas ta’ kummissjoni, ekwivalenti għal ħamsa fil-mija tal-valur tat-trasferiment ta’ €4,200,000. Dan hu evidenti f’dokumenti verifikati mill-NAO, fejn wieħed jirreferi għal dan il-ħlas bħala ‘intermediary costs’, filwaqt li l-ieħor bħala ‘commission on sale’. Minkejja l-fatt li | l-Gvern xorta waħda kien se jħallas €4,200,000, irrispettivament mill-arranġament ma’ M&A Investments Ltd, l-Uffiċċju hu tal-fehma li dan il-pagament ta’ €210,000 ma kellux jifforma parti mill-ftehim mal-Gvern. Ir-relazzjoni bejn CE u M&A Investments Ltd kienet kwistjoni privata, u l-Gvern ma kellu l-ebda rabta ma’ din l-aħħar Kumpanija. Allura, fil-fehma ta’ dan l-Uffiċċju, il-ħlas ta’ €210,000, li ma kienx sostanzjat b’ebda mod, ma kienx f’postu f’dan il-ftehim. Minbarra dan il-pagament, l-NAO ma sab l-ebda evidenza ta’ ħlasijiet ta’ kummissjoni oħra mill-fondi pubbliċi. |
Dan ir-Rapport jista’ jiġi aċċessat mis-sit elettroniku tal-Uffiċċju, www.nao.gov.mt.
Stqarrijiet Oħra:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046