STQARRIJA MILL-GVERN TA’ MALTA
Turija oħra ta' fiducja u ottimiżmu
Wara li ftit ġimgħat ilu, għall-ewwel darba fl-istorja, ġie stabbilit li l-ammont ta’ depożiti tal-familji tagħna f'banek Maltin qabeż id-€9 biljuni, issa waslet konferma oħra tal-fiduċja li teżisti bħalissa. Fi tmien sigħat u nofs, il-Gvern irnexxielu jbigħ €180 miljun f’Malta Government Stocks.
Id-domanda tant kienet għolja li kull minuta nbiegħu kważi €350,000 fi stocks. Il-Gvern spiċċa biegħ 50% aktar milli kien ippjana oriġinarjament. Minflok is-soltu erbat ijiem, din id-darba l-bejgħ ingħalaq f'anqas minn jum wieħed.
Din ir-realtà għal darba oħra tmeri n-negattività tal-Oppożizzjoni li bħalissa hawn għafsa fil-pagi u li l-familji qed jaffaċċjaw problemi finanzjarji. Il-fatti juru li, minkejja żieda rekord fit-tifdil, il-konsum qed jiżdied ħafna, fosthom is-sena li għaddiet il-familji xtraw 23% aktar karozzi milli kienu xtraw fl-aħħar sena tal-amministrazzjoni preċedenti.
Id-domanda qawwija għall-bonds tal-Gvern turi wkoll kemm hu iżolat il-Kap tal-Oppożizzjoni meta jibqa’ jsostni li pajjiżna jista’ jitlob bailout finanzjarju. Il-fatt li, f'anqas minn tmien sigħat u nofs, il-Gvern irnexxielu jbigħ 50% aktar bonds milli kien ippjana li jbigħ f'erbat ijiem juri li hawn fiduċja qawwija mill-investituri fl-abbilità tal-Gvern Malti li jimmaniġġja l-finanzi tiegħu.
It-tbassir ta’ bailout finanzjarju minn Simon Busuttil jistona mal-ottimiżmu tal-investituri. Filwaqt li jilqa’ din il-fiduċja, il-Gvern se jkompli jaħdem biex inaqqas id-deficit finanzjarju u d-dejn nazzjonali billi jsaħħaħ it-tkabbir ekonomiku li minnu jgawdi kulħadd.
Stqarrijiet Oħra:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046