STQARRIJA TAL-GVERN: IKOMPLI JONQOS IL-QGĦAD ANKE FOST DAWK L-AKTAR VULNERABBLI
Konferma oħra mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika li l-qasam tal-impjiegi sejjer tajjeb. In-numru ta’ nies jirreġistraw f’Diċembru 2014 naqas għal 6,384, li jfisser tnaqqis ta’ 1,405 persuna jfittxu x-xogħol meta mqabbel mas-sena ta’ qabel.
Fil-bidu ta’ din il-leġislatura, in-numru ta’ nies jirreġistraw kien 7,279. B’hekk, kull jumejn ta’ din il-leġislatura, tlie persuni qegħda rnexxilhom isibu xogħol. Dan jikkuntrasta mal-andament tas-suq tax-xogħol taħt l-amministrazzjoni preċedenti. Fil-ħames snin qabel Marzu 2013, il-qgħad kien żdied b’937 persuna. Li jfisser li kull jumejn, taħt l-amministrazzjoni preċedenti, persuna aktar kienet tispiċċa tirreġistra.
It-tnaqqis qawwi fil-qgħad matul din il-leġislatura qed jinħass l-aktar fost iż-żgħażagħ. Fl-aħħar tnax-il xahar kien hemm tnaqqis ta’ 400, jew kważi terz, fin-numru ta’ żgħażagħ bla xogħol. Dan jindika kemm il-ħidma li qed issir biex aktar żgħażagħ jidħlu fid-dinja tax-xogħol qed tħalli frott.
Fl-istess ħin kien hemm ukoll tnaqqis ta’ 368 persuna fin-nies jirreġistraw li għandhom età ta’ 45 sena jew aktar, kategorija ta’ nies qegħda meqjusa l-aktar eskluża mis-suq tax-xogħol. Dan ifisser tnaqqis ta’ 12% mil-livell ta’ sena qabel.
Kategoriji oħrajn meqjusin f’riskju soċjali wkoll urew titjib. Fost dawk li ilhom jirreġistraw għal aktar minn sena kien hemm tnaqqis ta’ 372, jew 11%, filwaqt li l-qgħad fost dawk b’diżabilità naqas b’117 persuna, jew 21%.
Bil-miżuri mħabbra fil-Budget 2015 mistennija jinħolqu aktar opportunitajiet ta’ xogħol aħjar, speċjalment għal dawk l-eluf li tħallew mill-amministrazzjoni preċedenti, dipendenti fuq ir-relief mingħajr tama li jsibu impjieg. F’pajjiżna llum jeżisti ottimiżmu li t-titjib reġistrat sa issa se jkompli u jissaħħaħ matul ix-xhur li ġejjin.
Other Press Releases:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046