IMNEDIJA PUBBLIKAZZJONI ĠDIDA MILL-MEUSAC DWAR IL-FONDI EWROPEJ
‘EXPLORE EU Funds 2014-2020’ għandha l-għan li sservi ta’ għajnuna għal entitajiet diversi dwar kif jistgħu jibbenefikaw aktar minn fondi Ewropej
Il-MEUSAC nieda pubblikazzjoni ġdida dwar il-fondi Ewropej bil-għan li entitajiet differenti fosthom il-kunsilli lokali u għaqdiet isibuha aktar faċli meta jiġu biex japplikaw għall-fondi mill-Unjoni Ewropea.
Il-pubblikazzjoni bl-isem ta’ Explore EU Funds 2014-2020 saret f’forma ta’ ktejjeb prattiku fejn tiġbor informazzjoni dwar il-programmi kollha ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea għall-perjodu ta’ finanzjament 2014-2020.
F’konferenza tal-aħbarijiet fil-bini tal-Conservatorio Vincenzo Bugeja f’Santa Venera, il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili Helena Dalli qalet li din il-pubblikazzjoni għandha sservi ta’ għajnuna għal bosta għaqdiet fosthom NGOs li jixtiequ jkunu jafu aktar dwar kif jistgħu japplikaw għall-fondi Ewropej.
Filwaqt li faħħret lill-Conservatorio Vincenzo Bugeja għall-ħidma li qed iwettaq fost iż-żgħażagħ anke permezz ta’ fondi Ewropej li rnexxielu jibbenefika, Dr Dalli semmiet kif hemm għaqdiet volontarji li s’issa qatt ma tħajru japplikaw peress li jaraw il-proċess bħala wieħed twil. Fl-istess ħin qalet li wieħed jifhem li jrid ikun hemm il-kontabilità u t-trasparenza fl-immaniġġjar tal-fondi li finalment ġejjin mit-taxxi tal-poplu.
Il-Ministru Dalli semmiet kif preżentament għaddejja ħidma dwar reviżjoni fil-liġi dwar il-volontarjat filwaqt li aktar tard din is-sena se tkun qed titmexxa konsultazzjoni pubblika fuq dan it-tibdil fil-liġi.
Il-Kap tal-MEUSAC Dr Vanni Xuereb tkellem dwar il-funzjoni ewlenija tal-MEUSAC li jqarreb l-Unjoni Ewropea iżjed lejn iċ-ċittadini Maltin permezz tal-konsultazzjoni, l-informazzjoni u l-assistenza għall-fondi. Spjega kif id-daqs u l-għamla tal-ktejjeb jagħmluha faċli li persuna ssib l-informazzjoni li tkun teħtieġ; anke minħabba l-fatt li l-informazzjoni hi waħda speċifika u diretta b’informazzjoni fuq programmi ta’ fondi ċentralizzati jew diċentralizzati u kif ukoll fuq l-opportunitajiet ta’ fondi ġodda għall-perjodu 2014–2020.
Dr Xuereb fisser kif il-Conservatorio Vincenzo Bugeja hija waħda mill-entitajiet li bbenefikaw minn Fondi tal-UE, grazzi wkoll għall-assistenza li rċeviet mill-MEUSAC. Qal li fil-ġimgħat li ġejjin, tmien żgħażagħ minn din l-istituzzjoni se jkunu qed jissieħbu fi proġett ta’ skambju ma’ żgħażagħ oħra mill-Irlanda, l-Italja, id-Danimarka u r-Renju Unit bl-isem Empowering Youth in Care. Permezz ta’ fondi taħt il-programm Erasmus+, kif ukoll permezz tal-għajnuna tal-MEUSAC biex timtela l-applikazzjoni, dan l-iskambju ser ikun qed joffri esperjenza unika lil dawn iż-żgħażagħ.
Dr Xuereb stieden lill-kunsilli lokali u NGOs jagħmlu użu tajjeb minn dan il-ktejjeb u javviċinaw lill-MEUSAC fl-uffiċini f’Malta u f’Għawdex b’xi proġett partikolari sabiex bl-assistenza professjonali u dedikata tal-istaff jiżdiedu l-istejjer ta’ suċċess li minnhom tgawdi s-soċjetà inġenerali.
Din il-pubblikazzjoni ġdida ġiet iffinanzjata mill-UE taħt il-Ftehim tal-Management Partnership bejn il-MEUSAC u l-Kummissjoni Ewropea li bih, b’total ta’ €1,067,376 bejn l-2008 u l-2014, il-MEUSAC organizza diversi tipi ta’ miżuri ta’ komunikazzjoni mmirati lejn diversi kategoriji tas-soċjetà Maltija.
Dan il-proġett kien l-aħħar wieħed taħt il- Management Partnership peress illi sentejn ilu, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li twaqqaf dan l-arranġament minħabba fit-tnaqqis tal-baġit tal-Kummissjoni. Mis-sena l-oħra, il-MEUSAC beda jiżviluppa forma oħra ta’ kooperazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea li tissejjaħ Strategic Partnership, b’ammont ta’ finanzjament sostanzjalment inqas minn dak tal Management Partnership.
Din il-pubblikazzjoni hi l-ewwel waħda tax-xorta tagħha f’Malta u ser tkun disponibbli b’xejn għal dawk kollha interessati fil-fondi tal-UE.
Għat-tnedija kienu preżenti rappreżentanti ta’ kunsilli lokali u għaqdiet mhux governattivi li bbenefikaw minn fondi tal-UE fis-snin li għaddew.
Stqarrijiet Oħra:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046