Left arrow Mur Lura

DISKORS MILL-MINISTRU GĦALL-IŻVILUPP SOSTENIBBLI, L-AMBJENT U T-TIBDIL FIL-KLIMA, LEO BRINCAT, FIL-FTUĦ TAL-EWWEL KONFERENZA DWAR L-EDUKAZZJONI GĦALL-IŻVILUPP SOSTENIBBLI ORGANIZZATA MIĊ-ĊENTRU GĦALL-EDUKAZZJONI U RIĊERKA AMBJENTALI

pr150347
Date Icon 20/02/2015

L-edukazzjoni: l-aqwa għodda għall-żvilupp sostenibbli aħjar

Nelson Mandela bħal kull ġellied għall-ħelsien ġieli rrikorra għall-armi. Iżda l-aktar arma effettiva li huwa kien jara u jemmen fiha kienet l-edukazzjoni. Tant li huwa darba stqarr li l-edukazzjoni hija l-aktar arma b’saħħita li biha nistgħu nbiddlu d-dinja.

L-edukazzjoni hija tant meħtieġa għall-iżvilupp sostenibbli għaliex hija l-aqwa għodda li tista’ twassal għall-żvilupp sostenibbli aħjar. L-edukazzjoni waħedha ma tassigurax l-iżvilupp sostenibbli. Ħafna drabi ċ-ċavetta tkun f’idejn min jieħu d-deċiżjonijiet strateġiċi - kemm fis-settur pubbliku u dak privat, kif ukoll fost is-soċjetà ċivili nnifisha.

Iżda mingħajr edukazzjoni xierqa ma jkun hemm ebda għarfien tal-isfidi u l-opportunitajiet li l-iżvilupp sostenibbli jġib miegħu. U sakemm ma titqajjimx kuxjenza nazzjonali, reġjunali u anki globali dwar dan is-suġġett qajla nistgħu nittamaw li nsibu flimkien soluzzjoni għal din l-isfida. Għaliex jekk lanqas jirnexxielna nqajmu għarfien u kuxjenza dwar x’verament ifisser l-iżvilupp sostenibbli għalina lkoll, żgur li qatt ma nistgħu nkunu f’qagħda li nindirizzaw il-problemi li spiss ixekklu l-iżvilupp sostenibbli milli jseħħ.

Fi kliem ieħor, jekk ma jkollniex idejna fuq il-polz tal-problemi tal-iżvilupp sostenibbli żgur li ma nistgħux noffru soluzzjonijiet għalihom.

Spiss isaqsuni x’nemmen bi żvilupp sostenibbli. Għalkemm naf li ħafna jħobbu jġebbdu d-definizzjoni tal-iżvilupp sostenibbli kif jaqbel lilhom u l-aġenda tagħhom, ma hemm xejn aħjar mid-definizzjoni tal-Ġnus Magħquda nnifisha dwar x’ifisser l-iżvilupp sostenibbli.

Għalkemm ħafna jaħsbu li l-edukazzjoni dwar l-iżvilupp sostenibbli għanda tkun xi programm jew proġett speċifiku, fir-realtà din għandha tkun umbrella kbira u wiesgħa ta’ għadd ta’ forom ta’ edukazzjoni li diġà jeżistu - li jenħtieġ li jeżistu spalla ma’ spalla ma’ oħrajn li għad iridu jiġu maħluqa.

Meta qed ngħixu f’soċjetajiet li spiss jispiċċaw mhux sostenibbli, l-urġenza għall-ħsieb ġdid dwar kif għandna niffaċċjaw dawn l-isfidi tkompli tikber minn jum għall-ieħor.

Il-komponenti kollha tal-edukazzjoni huma essenzjali f’dan il-proċess. Dak leġiżlattiv, dak dwar policies, id-dimensjoni finanzjarja, l-curriculum innifsu, t-tagħlim u t-taħriġ u anki l-evalwazzjoni ta’ dak li jkun qed jsir. M’hemmx qasam aħjar mill-iżvilupp sostenibbli fejn il-kunċett tal-lifelong learning huwa daqstant meħtieġ. Dan għaliex il-ħtiġijiet edukattivi taċ-ċittadini dwar l-iżvilupp sostenibbli jevolvu u jinbidlu l-ħin kollu. F’għadd ta’ fażijiet u stadji tal-ħajja tal-bniedem. B’edukazzjoni qawwija dwar l-iżvilupp sostenibbli jkollna dik li tissejjaħ sitwazzjoni ‘Win Win’.

Diment li jkun proċess kontinwu bbażat fuq il-prinċipji u l-valuri tal-iżvilupp sostenibbli:

• Li jindirizza d-dimensjonijiet kollha tas-sostenibbiltà fl-oqsma ambjentali, soċjo-ekonomiċi u anki kulturali

• Li jipromwovi kif għedt - il-lifelong learning

• Li jkun rilevanti f’kuntest lokali

• Li jkun ibbażat fuq il-ħtiġijiet u l-kundizzjonijiet applikabbli għal pajjiżna iżda wkoll b’għarfien sħiħ għall-effetti u l-konsegwenzi globali u internazzjonali

• Li jġib flimkien forma formali, mhux formali u anki dik informali tal-edukazzjoni

• Li jakkomoda n-natura li dejjem tevolvi tal-kunċett tas-sostenibbilità

• Li jżewweġ flimkien issues globali ma’ prijoritajiet lokali

• U li fl-aktar mod inter dixxiplinari jaħdem biex lkoll kemm aħna ngawdu minn kwalità ta’ ħajja aħjar

Ħafna bir-raġun spiss jiftaħru dwar l-avvanzi teknoloġiċi u xjentifiċi kbar li għamel il-bniedem fl-aħħar snin. Iżda din l-attività umana li dejjem qed tikber b’rata dejjem aktar mgħaġġla, iġġib magħha żieda fl-industrijalizzazzjoni, fl-‘urbanisation’ u anki fil-popolazzjoni dinjija li mistennija tilħaq l-10 biljuni sas-sena 2050, li hija terz ta’ seklu biss il-bogħod.

Iżda nkunu qed ngħaddsu rasna fir-ramel jekk ma ngħarfux ukoll li l-aħħar snin ġabu magħhom żieda fid-diżugwaljanza soċjali u ekonomika, l-istess kif ġabu theddid serju għall-ambjent flimkien ma’ effetti dejjem aktar viżibbli u drammatiċi marbutin mat-tibdil tal-klima.

Jekk dan huwa l-veru futur li qed niffaċċjaw, irridu nistqarru li l-ġejjieni jaf ikun inkwetanti, l-aktar jekk nibqgħu b’idejna fuq żaqqna u nieħdu approach ta’ ‘business as usual.’ Din tal-aħħar lanqas biss għandha tibqa’ għażla li qed tiġi kkunsidrata fil-garigori ta’ moħħna.

Biex nirnexxu bħala soċjetà, bħala pajjiż, bħala reġjun u anki fuq livell globali, huwa meħtieġ li nkunu proattivi. Dan huwa għaliex is-sena li ninsabu fiha hija meqjusa minn ħafna bħala sena kruċjali għall-azzjoni fil-qasam tal-iżvilupp sostenibbli. Illum qabel għada mingħajr aktar dewmien jew tkaxkir tas-saqajn  irridu ngħaddu mill-kliem sabiħ għall-fatti.

Din l-isfida tikber aktar fl-importanza tagħha meta nżommu f’moħħna li din is-sena kemm il-Ġnus Magħquda u l-istati membri tagħha jinsabu fil-proċess li jtemmu n-negozjati għall-aġenda ta’ żvilupp globali lil hinn mis-sena 2015 innifisha. L-Unjoni Ewropea diġà ħabbret it-triq li biħsiebha tieħu f’dan ir-rigward.

F’Settembru ta’ din is-sena dawk li kienu magħrufin bħala l-Millenium Development Goals sejrin jevolvu u jikbru f’miri u għanijiet marbutin mal-iżvilupp sostenibbli permezz tas-Sustainable Development Goals.

Jidher li hemm kunsens wiesgħa li dawn iż-żewġ proċessi huma u għandhom dejjem jibqgħu marbutin flimkien. L-istess kif hemm kunsens li l-iżvilupp sostenibbli għandu jkun fil-qalba ta’ kull aġenda ta’ żvilupp fid-dinja ta’ wara s-sena 2015.

Bħala edukaturi u stakeholders fil-qasam edukattiv ħadd daqskom ma għandu jew jista’ jagħraf malajr li kull aspett tal-ħajja tagħna jista jkollu effetti pożittivi jew negattivi fuq l-iżvilupp sostenibbli. Min jaħseb li l-ingredjenti tal-iżvilupp sostenibbli jistgħu jaħdmu f’mod separat jew iżolat minn xulxin ikun sejjer żbaljat.

Dawn id-dimensjonijiet kollha tal-iżvilupp sostenibbli hemm bżonn li jaħdmu flimkien f’mod integrat aktar minn qatt qabel u li l-effetti f’qasam partikulari jafu jkollhom effetti tajbin jew ħżiena fuq oqsma oħrajn ukoll.

Ħalli nieħdu l-ambjent; meta jkollok immaniġġjar ambjentali sod u professjonali, mhux biss tkun qed taħdem lejn u twassal għall-ħarsien aktar effettiv tal-ambjent innifsu, iżda tkun qed toħloq benefiċċji u opportunitajiet ġodda wkoll fl-oqsma ekonomiċi kif ukoll għas-soċjetà nnifisha.

L-edukazzjoni hija l-aqwa għodda u ċ-ċavetta biex niżguraw li l-komponenti tal-iżvilupp sostenibbli jaħdmu flimkien mingħajr l-esklużjoni ta’ ħolqa waħda partikulari fil-katina sħiħa ta’ dan il-proċess li ser jibqa’ dejjem jevolvi. L-aktar ħaġa li rridu nbiddlu huwa l-mod kif naħsbu u d-drawwiet antiki tagħna li ħafna drabi jkunu qed jiġbru l-moffa mingħajr m’aħna biss nintebħu. Permezz tal-edukazzjoni, jistgħu jiġu identifikati aħjar u b’urġenza akbar, il-kompetenzi, il-valuri u l-għerf meħtieġa biex verament noħolqu stil ta’ ħajja u ambjent soċjo-ekonomiku verament sostenibbli.

F’summit dwar l-iżvilupp sostenibbli li għadni kif attendejt fl-Indja laqatni l-kliem għaqli ta’ personalità prominenti li stqarr li kif sekli tal-imgħoddi kienu ffukati fuq il-produzzjoni u s-seklu li għadda kien is-seklu tal-konsum, is-seklu l-ġdid li ninsabu fih huwa s-seklu tas-sostenibbiltà.

F’kuntest purament lokali dak li qed tagħmel l-Eko Skola huwa eżempju ħaj ta’ kif l-edukazzjoni tista’ tintuża bħala arma ta’ ‘empowerment’ biex jittieħdu deċiżjonijiet aktar sostenibbli u infurmati tajjeb filwaqt li jgħinuna lkoll naħsbu u naġixxu f’mod aktar kritiku, meqjuż, sistematiku u anki responsabbli. Inutli niftaħru dwar kemm irridu ġid għall-uliedna u ulied uliedna jekk il-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri ma jkollhomx l-għodda u l-ħiliet meħtieġa biex jinnavigaw f’baħar daqstant imqalleb.

Ikun żball min jaħseb li din tal-lum hija konferenza oħra bħal oħrajn. Dak li qed jagħmel iċ-Ċentru għall-Edukazzjoni u Riċerka Ambjentali permezz ta’ din il-konferenza dwar l-edukazzjoni dwar l-iżvilupp sostenibbli għandu jitqies bħala pass importanti ħafna fil-kalendarju tagħna ta’ din is-sena. Proprju għaliex mhux biss joħloq pjattaforma għad-diskussjoni u l-ħsieb, iżda wkoll għaliex iġibu flimkien daqstant stakeholders importanti dwar suġġetti fejn huwa essenzjali li naqsmu flimkien l-esperjenzi u l-għarfien tagħna ħalli nkunu nistgħu niffaċilitaw aktar u nfasslu f’mod professjonali dejjem aktar milli qatt għamilna l-ġejjieni għall-edukazzjoni dwar l-iżvilupp sostenibbli.

Hekk kif ninsabu lejliet li l-Post 2015 Development Agenda jiġi ffinalizzat bħala proċess, l-edukazzjoni dwar l-iżvilupp sostenibbli sar urġenti aktar minn qatt qabel. Huwa permezz tal-edukazzjoni biss li nistgħu nibdew inħarsu lil hinn mill-istrutturi nfushom u nħabblu rasna fl-aktar mod prattiku dwar kif għandna nwasslu u naslu għall- mainstreaming dwar dan il-qasam kumpless, f’mod mill-aktar integrat u orizzontali.

L-isfidi tal-iżvilupp sostenibbli jistgħu jiġu indirizzati kif xieraq jekk nibdew nersqu lejhom u niffaċċjawhom f’mod ġust, bilanċjat u nfurmat kif suppost. Jekk nibqgħu nħarsu lejn u nħaddmu l-ambjent, is-soċjetà nnifisha u l-ekonomija f’mod mhux sostenibbli għandna garanzija waħda biss. Li dak kollu li qed ngħidu dwar żvilupp sostenibbli jibqa’ biss kliem fieraħ u sempliċi duħħan.

Meta l-Ministri tal-Klima ltaqgħu ftit ilu f’Lima, l-Peru qablu lkoll flimkien li l-għarfien dwar it-tibdil tal-klima għandu jkun integrat fil-proċess kollu edukattiv. Meta l-klima u l-iżvilupp sostenibbli qatt ma kienu marbutin flimkien daqs illum, kif nistgħu ninkludu komponent wieħed f’dan il-proċess edukattiv filwaqt li neskludu l-ieħor.

Napprezza li d-dinja u anki s-soċjetà Maltija ma qagħditx tistenna l-konferenza tal-lum biex tagħraf il-ħtieġa ta’ edukazzjoni dwar żvilupp sostenibbli. Iżda minn-naħa l-oħra kif qablet il-UNESCO fil-konferenza dinjija tagħha dwar edukazzjoni dwar l-iżvilupp sostenibbli f’Aichi-Nagoya tliet xhur ilu biss, hemm bżonn urġenti li nsaħħu u nassiguraw ‘scaling up’ tal-edukazzjoni f’dan is-settur.

L-edukazzjoni hija l-aqwa mezz għall-‘awareness raising’ – il-ħolqien u l-qawmien tal-kuxjenza.

Il-punt tat-tluq tagħna għandu jkun wieħed, li l-iżvilupp sostenibbli ma nibqgħux inħarsu lejh kif jagħmlu xi wħud bħala xi ħaġa li għandha tkexkixna jew tqabbadna l-bard, kif ukoll li rridu ndaħħluha f’moħħna u f’moħħ ħaddieħor ukoll li kull żvilupp għandu jkun żvilupp sostenibbli. Jekk ma nagħmlux dan inkunu qegħdin biss nidħqu b’xulxin għas-spejjeż tagħna, ta’ uliedna u tal-hekk imsejħa dinja aħjar li ħafna minnha nħobbu niftaħru li nixtiequ ngħaddu lill-ġenerazzjonijiet futuri.

L-edukatur waħdu ma jasalx, tajjeb kemm ikunu l-intenzjonijiet tiegħu. Irid ikun qed jaħdem spalla ma’ spalla mal-awtoritajiet tal-pajjiż, ix-xjentisti u l-akkademiċi, s-settur korporattiv u dak tan-negozju kif ukoll l-attivisti u l-għaqdiet mhux governattivi. B’kundizzjoni waħda, li kull wieħed minna għandu jippika mal-ieħor dwar kemm ser jirnexxielna mmexxu bl-eżempju.

Sfida kbira u qawwija li rridu nindirizzaw illum qabel għada. Biex nirbħuha rridu nżommu dejjem f’moħħna li b’ambjent aħjar ikollna ekonomija u fibra soċjali aħjar u mhux li waħda xxekkel lill-oħra.

Jekk nibqgħu naħsbuha li dawn huma ta’ xkiel għal xulxin allura t-triq tagħna hija ferm aktar għat-telgħa milli nistgħu naħsbu aħna.

Iżda ninsab konvint li intom miġbura hawn żgur taħsbuha mod ieħor.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  L-isport huwa għodda b’saħħitha ħafna fil-ġlieda kontra l-vjolenza domestika – Il-Ministru Rosianne Cutajar

PR262047

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR  Il-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena 2026 jagħti ġieħ lill-ħaddiema Maltin u Għawdxin

PR262046

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow