IL-MINISTRU EVARIST BARTOLO IŻUR IL-BINI TAL-ARKIVJI NAZZJONALI FL-IMDINA
Għotja ta’ dokumenti minn Pawlu Cila u Frans Said lill-Arkivji Nazzjonali
Ilbieraħ, il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, Evarist Bartolo, żar il-bini tal-Arkivji Nazzjonali fl-Imdina. Matul din iż-żjara, is-sinjuri Frans Said u Pawlu Cila, għaddew għadd ta’ dokumenti lill-Arkivji Nazzjonali.
Is Sur Said irregala ġabra ta’ 2121 ħrafa ta’ matul iż-żminijiet li huwa ġabar fuq medda ta’ snin, minn 22 sors differenti, u li ttraduċa għall-Malti minn disa’ lingwi. Fis-snin li għaddew is-Sur Said għadda għadd ta’ dokumenti oħra lill-Arkivji Nazzjonali ta’ Malta.
Id-donazzjoni tas-Sur Pawlu Cilia hija kollezzjoni ta’ ritratti u dokumenti oħra marbuta mal-karriera twila ta’ ħuh, Joe Cila, bħala player u coach ewlieni fil-football f’Malta u l-Awstralja bejn l-1953 u l-1996. Joe Cilia kien ukoll preżenti għal din id-donazzjoni.
Matul din iż-żjara, il-Ministru Bartolo ra wkoll ix-xogħol ta’ diġitizzazzjoni ta’ dokumenti tal-qrati Maltin fi żmien il-Franċiżi (1798-1800) li qed isir bil-kollaborazzjoni ta’ Hill Museum and Manuscript Library ta’ Minnesota (USA). Huwa tkellem ukoll ma’ Dr Daniel Gullo, il-Kuratur tal-Malta Study Centre.
Is-Sur Charles Farrugia, l-Arkivista Nazzjonali spjega lill-Ministru kif l-għotja tas-Sinjuri Said u Cilia ser tkompli tarrikixxi il-proġett tal-Memorja Nazzjonali kif ukoll il-pjanijiet għall-iżvilupp tal-kollaborazzjoni bejn l-Arkivji Nazzjonali u l-Hill Monastery Museum.
Filwaqt li rringrazzja lis-Sinjuri Cilia u Said għall-għotja tagħhom u feraħ lill-Arkivji Nazzjonali għall-ħidma li qed titwettaq, il-Ministru Bartolo kkonferma l-appoġġ tal-Gvern għal dan is-settur. “Pajjiż mingħajr memorja huwa pajjiż bla ruħ u mingħajr futur. Għalhekk il-Gvern huwa kommess għall-ħarsien u l-għarfien tal-memorja kollettiva ta’ Malta u l-Maltin,” stqarr il-Ministru Bartolo.
Other Press Releases:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046