STQARRIJA MAĦRUĠA MILL-GVERN TA’ MALTA
Inflazzjoni baxxa tfisser nifs għall-familji tagħna
F’Jannar 2015 l-inflazzjoni f’pajjiżna skont l-indiċi tal-prezzijiet tal-bejgħ bl-imnut kienet tammonta għal 0.3%. Din hija l-inqas rata ta’ inflazzjoni f’Malta mill-1985 ‘l hawn. Bħala medja, taħt l-amministrazzjoni preċedenti, l-inflazzjoni kienet tlaħħaq 2.6% fis-sena, jew kważi disa’ darbiet aktar minn dik reġistrata fit-tnax-il xahar li għaddew.
Fost prodotti u servizzi essenzjali fejn kien hemm tnaqqis fl-inflazzjoni hemm il-prezzijiet tal-ikel li naqsu għal 0.8% mill-4.8% li bħala medja kienet osservata matul l-amministrazzjoni preċedenti. Filwaqt li bejn Marzu 2008 u Marzu 2013, kull sena bħala medja l-prezzijiet tad-dawl, ilma, gass u fuel kienu jiżdiedu bi 13%, din is-sena naqsu bi 15.4%. Il-prezzijiet tat-trasport u l-komunikazzjoni naqsu b’0.3%, filwaqt li taħt l-amministrazzjoni ta’ qabel kienu jogħlew b’medja ta’ 0.8% fis-sena.
It-tnaqqis fl-inflazzjoni wassal biex il-paga medja, meta mqabbla mas-sena li għaddiet, għoliet bi 2.3%. Dan jikkuntrasta mat-tnaqqir ta’ 0.5% fil-paga medja li kien irreġistrat fl-aħħar sena tal-amministrazzjoni preċedenti. F’termini aktar sempliċi, dan ifisser li, filwaqt li taħt il-Gvern preċedenti l-poter tal-akkwist tal-ħaddiem medju kien mar lura bi €80, illum il-ħaddiem medju mar aħjar bi €315.
Dan jispjega għala fl-aħħar stħarriġ tal-Eurobarometer li sar mill-Kummissjoni Ewropea fost iċ-ċittadini Maltin u Għawdxin, il-proporzjon ta’ dawk li qalu li l-inflazzjoni hija l-akbar problema li jiffaċċjaw f’ħajjithom naqas bin-nofs minn dak osservat tul l-amministrazzjoni preċedenti.
Il-Gvern jibqa’ kommess li jkompli l-ġlieda tiegħu kontra l-inflazzjoni, speċjalment fi prodotti u servizzi essenzjali. Wara t-traħħis tal-kontijiet tad-dawl u tal-ilma għall-familji, ix-xahar id-dieħel ser isir it-tnaqqis għall-intrapriżi. Fl-istess ħin il-prezz tal-petrol, li naqas diġà seba’ darbiet u l-prezz tad-diesel, li naqas diġà ħames darbiet f’inqas minn sentejn ta’ din il-leġislatura, se jkomplu jorħsu fix-xhur li ġejjin.
Huwa b’dan il-mod li jkompli jissaħħaħ l-ottimiżmu fost il-familji tagħna li qed jixpruna l-ekonomija Maltija bi tkabbir li jkompli jiżboq dak tal-pajjiżi Ewropej.
Stqarrijiet Oħra:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046