RESTAWR TAL-ATTI NOTARILI f’GĦAWDEX
Il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo nnotta b’sodisfazzjon ix-xogħol ta’ restawr tal-atti tan-nutara li ħadmu f’Għawdex matul dawn l-aħħar erba’ mitt sena. Ix-xogħol qiegħed isir b’reqqa u dedikazzjoni kbira minn John Micallef. Is-Sur Micallef għandu esperjenza kbira f’dan ix-xogħol billi kellu karriera bħala legatur tal-atti tal-Qorti ta’ Għawdex u għalhekk japprezza ħafna l-ħtieġa li r-restawr isir bi preċiżjoni.
B’xorti ħażina, ħafna minn dawn l-atti tħallew abbandunati f’post li fih ġew esposti għall-umdità u għall-ilma. Għalhekk dawn id-dokument iddeterjoraw ħafna iktar milli suppost.
Il-Ministru Refalo stqarr li l-atti notarili huma importanti mhux biss bħala dokumenti legali, għax jikkonsistu f’kuntratti u testmenti, imma billi jiftħu tieqa fuq l-istorja soċjali u ekonomika ta’ Għawdex matul iż-żminijiet. Dawn l-atti huma ta’ importanza kbira għal patrimonju Għawdxi u jmorru lura sal-sena 1640. Minn dawn id-dokumenti, l-istudjużi jkollhom festa sħiħa u minnhom jibnu mill-ġdid il-ħajja tal-Għawdxin – kif kienu jaqilgħu l-ħobża ta’ kuljum; kemm kienu jixtru u jbiegħu il-proprjetà, kif u kemm kienu jikru l-għelieqi; x’tip ta’ prodott kienu jkabbru fihom; x’kienu jagħtu b’dota lil uliedhom il-bniet; u lil uliedhom subien li kienu jilħqu qassisin, u mitt elf ħaġa oħra ta’ kuljum.
L-istorja mill-perspettiva tal-gżira Għawdxija għadha qatt ma nkitbet kif jixraq u dawn id-dokumenti issa li qegħdin jiġu rrestawrati se jkunu iktar aċċessibbli għall-istudjużi. Anton Refalo ħeġġeġ lill-istudenti tal-istorja biex jisfruttaw dan it-teżor għall-benefiċċju tal-ħarsien tal-identità Għawdxija.
Ix-xogħol ta’ restawr inbeda s-sena l-oħra (2014) u tlestew 122 volum. Din is-sena ġew allokalti 10,000 euro għal dan l-iskop u xogħol se jkompli fuq il-programm tas-sena l-oħra.
Stqarrijiet Oħra:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046