INIZJATTIVI ĠODDA MARBUTIN MAL-PROĠETT DWAR TĦADDIR TAL-KOMMUNITAJIET – IL-MINISTRU LEO BRINCAT
Meta kien qed iżur inizjattivi ġodda oħrajn marbutin mal-proġett dwar tħaddir tal-kommunitajiet mill-Kunsill Lokali tal-Imsida mtella’ b’fondi ċentrali tal-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima, il-Ministru Leo Brincat qal li llum kellna eżempju ħaj fejn l-ideat u l-ħidma ġew mill-għeruq tal-Kunsilli nfushom.
Dan sar dejjem skont il-parametri tal-MoU – Memorandum of Understanding li kien ġie ffirmat aktar kmieni bejn il-Ministeru u l-Kunsill Lokali ħalli jkun hemm trasparenza sħiħa fit-twettiq tal-proġett.
Il-Ministru Brincat qal li rigward l-erba’ lokalitajiet li kienu ġew identifikati fil-Budget 2014 jista’ jikkonferma li l-lokalitajiet Maltin tal-Fgura, San Pawl il-Baħar u l-Imsida kienu f’konformità ma dak li jipprovdi l-MoU nnifsu filwaqt li jinsab infurmat mill-Ministeru li t-tenders tal-Kunsill Lokali tar-Rabat Għawdex ġew mogħtija l-ġimgħa li għaddiet.
Fil-lokalità tal-Imsida bħala parti minn dan il-proġett tħawwlu diversi shrubs u siġar fosthom siġar tar-rand u siġar taż-żebbug f’diversi postijiet bħal ħdejn il-knisja, ħdejn l-iskate park, f’Misraħ San Ġużepp u Triq Oscar Zammit fost oħrajn.
Il-Ministru ħabbar li l-Ministeru kien irċieva s-sottomissjonijiet kollha mill-Kunsilli Lokali li kienu se jgawdu mill-miżuri tal-Budget 2015 dwar tħaddir tal-kommunitajiet, fosthom Birkirkara, Raħal il-Ġdid, il-Mosta u Ta’ Xbiex flimkien max-Xagħra f’Għawdex.
Huwa qal li biex il-proċess jitħaffef b’mod trasparenti mill-aktar fis, l-evalwazzjoni tal-proposti sejra ssir nhar l-20 ta’ Frar 2015.
Il-Ministru Brincat ħeġġeġ lill-Kunsilli Lokali biex iżommu mad-dati u l-iskadenzi miftehma speċjalment wara li jiġu ffirmati l-MoUs infushom.
Stqarrijiet Oħra:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046