IL-MINISTRU GEORGE W. VELLA F’LAQGĦA MAL-OGĦLA AWTORITAJIET TAL-ORDNI MILITARI SOVRANA TA’ SAN ĠWANN, ĠERUSALEM, RODI U MALTA
Illum waqt żjara li qed jagħmel f'Ruma, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Dr George W. Vella, kellu laqgħa uffiċjali mal-ogħla awtoritajiet tal-Ordni Militari Sovrana ta’ San Ġwann, ta' Ġerusalem, ta' Rodi u ta' Malta, mmexxija mill-Gran Kanċillier Albrecht von Boesslager. Il-laqgħa saret fil-kwartieri tal-Ordni f’Aventino.
Matul il-laqgħa ġew diskussi r-relazzjonijiet bejn Malta u l-Ordni. Fost il-punti prinċipali ġew diskussi ż-żjara statali li se jagħmel il-Gran Mastru f'Malta f’April u l-kommemorazzjoni ta’ żewġ avvenimenti tar-rabta bejn l-Ordni u Malta, il-miġja tal-Kavallieri u l-kommemorazzjoni tal-Assedju l-Kbir. L-iktar punt importanti tad-diskussjoni kien dwar il-Ftehim ta' Koperazzjoni li jrid jiġi milħuq bejn l-Ordni u l-Gvern Malti dwar it-tmexxija tal-Forti Sant Anġlu. Il-Ministru Vella saħaq li l-Gvern Malti jixtieq jara l-Forti Sant'Anġlu kif inhu issa restawrat, jiġi użat iktar għal skop turistiku, kulturali u anke bħala post ta’ esibizzjonjiet u kungressi, speċjalment relatati mal-istorja tal-Ordni ta' San Ġwann.
Waqt id-diskussjonijiet ġiet espressa wkoll ix-xewqa li l-Ordni tinvolvi ruħha aktar fil-qasam umanitarju b'mod speċjali fejn jidħlu l-immigranti irregolari. Id-diskussjonijiet kienu kordjali ħafna u kien hemm il-qbil li delegazzjoni min-naħa tal-Ordni fil-futur qrib iżżur Malta ħalli jiġu finalizzati d-dettalji u wkoll biex jippreparaw għaż-żjara statali tal-Gran Mastru. Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin, filwaqt li rringrazzja lill-Gran Kanċillier għall-mod pożittiv li bih laqa’ s-suġġerimenti tan-naħa tal-Gvern Malti, wiegħed l-appoġġ tal-gvern għat-tisħiħ tar-relazzjonijiet bejn l-Ordni u Malta, filwaqt li wera x-xewqa li l-Ordni ta’ San Ġwann tkun iktar viżibbli f’pajjiżna permezz ta’ attivitajiet li mistennija torganizza.
Il-Gran Kanċillier von Boesslager kien megħjun fid-diskussjoni mill-Ambaxxatur Umberto di Capua u mill-Balliju Fra John Critien, li kien qiegħed Ruma għall-okkażjoni. Il-Ministru Vella kien akkumpanjat mill-Ambaxxatur il-Prof Buttigieg, rappreżentanti tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u wkoll rappreżentat ta’ Heritage Malta.
Stqarrijiet Oħra:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046