Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-PRIM MINISTRU JOSEPH MUSCAT

PR150316
Date Icon 17/02/2015

Sur President,

Nixtieq nirrapporta lil din il-Kamra dwar is-sitwazzjoni li qed tiżviluppa fil-Libja, kif ukoll dwar is-summit informali tal-Mexxejja Ewropej li sar fi Brussels fit-12 ta’ Frar 2015 dwar is-Sigurtà u l-ġlieda kontra t-Terroriżmu, kif ukoll dwar is-sitwazzjoni fiż-Żona Ewro fir-rigward tal-Greċja.

LIBJA

Is-sitwazzjoni fil-Libja llum hija bħala stat ta’ fatt ta’ pajjiż li jinsab fil-kontroll ta’ tliet entitajiet differenti.

Fuq in-naħa tal-Lvant, hemm Gvern li huwa rikonoxxut internazzjonalment u li għandu l-kontroll ta’ ħafna partijiet ta’ dik in-naħa tal-pajjiż. Il-bażi tal-Gvern hija Tobruk u matul l-aħħar ġimgħat ħarġet aktar fiċ-ċar l-alleanza li issa ġiet kważi formalizzata bejnu u bejn il-qawwiet tal-ex Ġeneral Haftar.

Fuq in-naħa tal-Punent, hemm il-Gvern ta’ Tripli, li minkejja li mhux rikonoxxut internazzjonalment, għandu l-kontroll tal-kapitali. Il-fazzjoni ewlenija fi ħdan dan il-Gvern hija dik ġejja minn Misurata.

Matul l-aħħar xhur, kien hemm preżenza dejjem tikber ta’ gruppi estremi, li ma għandhomx affiljazzjoni diretta mal-ebda wieħed minn dawn il-Gvernijiet, li bbażaw ruħhom f’partijiet mid-deżert vast Libjan. Biż-żmien avvanzaw għal pożizzjonijiet strateġiċi fix-xatt u ħatfu l-port ta’ Derna. Issa irnexxielhom jagħmlu kisba ferm akbar meta ħadu f’idejhom il-belt ta’ Sirte, li għandha infrastruttura importanti minħabba li kienet kkunsidrata għal ħafna snin bħala l-kapitali amministrattiva Libjana.

Dan l-iżvilupp kien sinjifikanti għal diversi raġunijiet.

L-ewwel nett, ipprova l-fatt li l-element estremist jeżisti fil-Libja, anki jekk jidher li magħmul aktar minn barranin milli minn Libjani, u huwa b’saħħtu aktar milli kienu qed jistennew uħud.

It-tieni nett, il-ġlied u pika bejn iż-żewġ naħat qed jagħti spazju għal din il-qawwa, li hija ta’ periklu l-ewwel nett għal poplu Libjan stess, minbarra li hija ta’ periklu għall-Mediterran u għall-Ewropa.

It-tielet nett, hemm periklu reali li din il-qawwa mhux se tieqaf biss għal dak li kisbet sa issa, iżda se tittanta tieħu f’idejha partijiet akbar u aktar sinjifikanti tal-Libja.

Ma naħsibx li f’din l-istqarrija għandi noqgħod nidħol fid-dibattitu jekk dawn il-gruppi estremisti li ħadu f’idejhom parti mil-Libja humiex parti mill-Istat Islamiku jew inkella humiex qed jippruvaw jimitaw lil din l-organizzazzjoni. Li hu żgur huwa li l-ħruxija murija f’numru ta’ okkażjonijiet hija l-istess ta’ din l-organizazzjoni. Ilna żmien nisimgħu b’każijiet fejn persuni, l-aktar barranin, kienu qed jiġu maqtula b’mod brutali. Il-mezzi tax-xandir internazzjonali jidher li ftit li xejn kienu qed jagħtu kas u għal ħafna fid-dinja, xi ħaġa li ma tidhirx fuq it-televiżjoni, mhux veru tkun ġrat. Dan inbidel bl-aktar mod traġiku bil-qtil ta’ 21 Eġizzjan, Insara Kopti, li l-qtil barabaru tagħhom ġibed mill-ġdid l-attenzjoni internazzjonali fuq il-Libja.

Minn hawn, f’isem il-Gvern Malti, nerġa’ mhux biss nikkundanna dan il-qtil, iżda nesprimi l-kondoljanzi tiegħi lill-Gvern u l-poplu Eġizzjan.

Fid-dawl ta’ dak li ġara, tajjeb li nitkellem dwar is-sitwazzjoni tas-Sigurtà Nazzjonali ta’ pajjiżna.

Tajjeb li nagħmilha ċara għal darba oħra, li l-Gvern Malti u s-servizzi ta’ sigurtà ma għandhom l-ebda tip ta’ informazzjoni li tindika li Malta hija fil-mira ta’ xi attakki li joriġinaw mil-Libja jew minn bnadi oħra.

Dan ma ngħidux biex nittraskuraw, iżda biex nagħti messaġġ ċar li stejjer allarmisti, li ħafna drabi jibdew minn sorsi dubjużi fuq l-internet, ma huwa la f’lokhom u lanqas affidabbli.

Irrid inserraħ moħħ il-familji u negozji tagħna, li qed nagħmlu dak kollu possibbli, fir-realtà u limitazzjonijiet ta’ pajjiżna, biex kulħadd ikompli jgħix fit-trankwillità u sigurtà. Kif diġà għidt, ma hemm xejn li jindika li hemm xi periklu fuq Malta.

Dan kollu iżda rridu naqrawh fid-dawl tal-instabilità fil-Mediterran u tar-realtà li qed tiżviluppa fl-Ewropa.

Erġajna rajna l-ġimgħa li għaddiet attakk minn persuna waħda fid-Danimarka, li ħalla tliet persuni mejta u diversi feruti. Attakk minn persuna Daniża li jidher li ispira ruħu minn dak li ġara f’Parigi. Hawn ukoll nibagħtu l-kondoljanzi tagħna lill-Gvern u poplu Daniż.

Il-fatt jibqa’ li wieħed ftit li xejn jista’ jantiċipa attakki sporadiċi bħal dawn u għalhekk kull pajjiż fid-dinja jrid ikun aktar viġilanti.

Dak li qed nassistu għalih mhux ġlieda ta’ reliġjonijiet, u jkun ħażin li naqgħu għan-nassa ta’ min irid ipinġiha hekk. Rajna prova ta’ dan meta ġie maqbud u ngħata n-nar ħaj suldat Musulman mill-Ġordan, fejn il-poplu Malti jieqaf mal-poplu Ġordaniż f’dan il-mument. Konna diġà rajna sinjal meta t-terroristi f’Pariġi qatlu kiesaħ u biered Pulizija Musulman ukoll.

Nilagħbu l-logħba tal-estremisti jekk inħallu li dawn il-ġrajjiet iwasslu għal ġlieda bejn iċ-ċiviltajiet.

L-irwol ta’ Malta, bħala pont ta’ paċi, huwa biex dan ma jseħħx.

Ir-rwol ta’ Malta huwa li tkun il-vuċi tas-sens komun u tal-moderazzjoni fil-Mediterran.

Ilna għal din l-aħħar sena nisħqu li s-sitwazzjoni fil-Libja ddeġenerat b’tali mod li jekk mhux se jkun hemm ftehim bejn iż-żewġ naħat, se jkun hemm bżonn ta’ intervent taħt it-tmexxija tal-Ġnus Magħquda.

Idealment, għandu jkun Gvern ta’ għaqda Nazzjonali fil-Libja li jitlob għal dan l-intervent sabiex jgħin lil qawwiet legittimi biex jistabilixxu u jżommu l-paċi.

Qajjimna dan il-punt mal-Prim Ministru tar-Renju Unit David Cameron f’Lulju tas-sena l-oħra fi Glasgow, u mal-President Franċiż Francois Hollande diversi drabi. L-istess għamilt kemm-il darba mal-eks Prim Ministru Taljan Enrico Letta u issa b’mod regolari ma’ Matteo Renzi. L-istess appell għamiltu mas-Segretarju Ġenerali tal-UNHCR Antonio Guterres, mar-rappreżentant Ewlieni tal-Ġnus Magħquda dwar il-Libja Bernardino Leon f’Ottubru li għadda meta laqqajnieh mal-Prim Ministru Libjan Al Thinni u ftit tal-jiem ilu mall-Kanċillier tal-Ġermanja Angela Merkel, il-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk u l-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker.

F’kull okkażjoni wassalt messaġġ ċar li se niġu f’sitwazzjoni ta’ vacuum fit-tmexxija fil-Libja li tista’ tħalli spazju għal problemi ta’ sigurtà għall-Ewropa.

Il-massima li bla paċi fil-Mediterran ma jistax ikun hemm paċi fl-Ewropa għadha attwali aktar minn qatt qabel. Jien inżid li bla paċi fil-Mediterran ma jistax ikun hemm paċi fid-dinja.

Għada se ssir laqgħa b’urġenza tal-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda. Minn din il-laqgħa qed nistennew sinjal b’saħħtu lir-rappreżentanti tal-poplu Libjan, li fadal ħin qasir ħafna biex huma jilħqu ftehim bejniethom, u jkunu mgħejjuna mill-Ġnus Magħquda. Jekk dan ma jsirx, ikollhom jittieħdu deċiżjonijiet mill-Kunsill ta’ Sigurtà stess.

Huwa ċar li hemm bżonn intervent internazzjonali mill-Ġnus Magħquda. Il-punt li għandu jiġi diskuss bl-aktar mod għaqli huwa kif għandu jsir, u l-involviment tal-poplu Libjan f’din id-deċiżjoni.

Dan huwa l-ewwel rwol li aħna rridu nieħdu bħala Malta, jiġifieri li nkunu punt ta’ kuntatt mal-poplu Libjan f’dan il-mument tant delikat.

Ir-riperkussjonijiet li jerġa’ ma jsir xejn huma kbar. Jekk ma jsir xejn, il-problema se tkompli tinfirex mal-bqija tal-Afrika ta’ Fuq, b’riperkussjonijiet għall-Ewropa.

Kemm-il darba jkun hemm missjoni tal-Ġnus Magħquda, Malta lesta li tagħti s-sehem tagħha. Is-sehem tagħna għal raġunijiet ċari ma jistax ikun militari. Is-sehem tagħna għandu jkun loġistiku u li jiċċentra fuq assistenza loġistika u l-vokazzjoni umanitarja tagħna.

Ir-rwol għandu jkun hemm għax li naħslu idejna mhix għażla.

Ma hix għażla lanqas jekk irridu li jkun hemm azzjoni deċiżiva dwar il-kwistjoni tal-immigrazzjoni illegali.

Matul il-jiem li għaddew rġajna rajna żieda sostanzjali fil-persuni li qed jaqsmu mil-Libja għall-Ewropa. Qed nisimgħu stejjer dwar mijiet ta’ persuni li qed jiġu mġegħla jaqsmu minn organizzazzjonijiet kriminali, ikun xi jkun it-temp.

Jekk sal-lum konna naħsbu li l-problema tal-immigrazzjoni mil-Libja hija kbira, huwa ċar li b’Libja b’żewġ gvernijiet u b’parti minn meħuda mill-estremisti, il-problema se tkun akbar. Għalhekk ukoll, missjoni mill-Ġnus Magħquda hija kruċjali.

Matul is-sena li għaddiet, meta qasmu l-akbar numru ta’ nies mil-Libja għall-Ewropa, kellna l-inqas numru ta’ wasliet ta’ immigranti llegali fl-aħħar snin. Dan kien ir-riżultat ta’ kif ħdimna b’kollaborazzjoni mal-Italja. Iżda s-sitwazzjoni tista’ tinbidel f’ġurnata jekk ma ssirx xi ħaġa, u din il-ħaġa hija l-missjoni li ilna sena ngħidu li għandha sseħħ.

Flimkien mal-Italja, Franza u Spanja, Malta wasslet it-tħassib tagħha fuq is-sitwazzjoni fil-Libja waqt il-Kunsill Ewropew informali tat-12 ta’ Frar 2015. Wassalna l-messaġġ li bħala Ewropa jekk irridu nittieħdu bis-serjetà fil-ġlieda kontra t-terroriżmu ma nistgħux nibqgħu ninjoraw is-sitwazzjoni fil-Libja.

Fl-istqarrija konġunta bejn il-Kapijiet tal-Gvernijiet kollha, dan huwa rikonoxxut u msemmi b’mod ċar fit-tielet punt fejn qbilna li l-Ewropa għandha tindirizza l-kriżijiet li qed jiġru f’pajjiżi ġirien fin-naħa ta’ isfel tal-Ewropa u ssemmew b’mod speċifiku l-Libja u s-Sirja.

Tajjeb li ngħid li l-Oppożizzjoni qed tinżamm infurmata bl-iżviluppi dwar is-sitwazzjoni fil-Libja.

ŻONA SCHENGEN

Lura għal-laqgħa tal-mexxejja Ewropej, iffukajna dwar kif bil-qawmien ta’ din il-mewġa ġdida ta’ attakki, għandna naddattaw ir-regoli ta’ libertà tal-moviment ta’ persuni b’mod li ma nxekklux din il-faċilità bażika li hija parti integrali mill-vantaġġi tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li nżidu s-sigurtà għaċ-ċittadini tal-Istati Membri.

Qbilna li l-pajjiżi tal-UE għandhom jaddottaw b’effettiv il-European Passenger Name Records Directive filwaqt li jkun hemm is-salvagwardji neċessarji ta’ protezzjoni tad-data.

Qbilna wkoll li nużaw b’mod iktar wiesgħa l-framework taż-Żona Schengen eżistenti biex ninfurzaw u nimmodernizzaw l-kontrolli tal-konfini esterni. Irridu nibdew b’kontrolli kordinati biex niċċekkjaw fuq persuni individwali li għandhom id-dritt tal-libertà ta’ moviment.

Dawn il-kontrolli ma jfissrux li jerġgħu jiddaħħlu l-fruntieri, iżda jkunu ibbażati fuq l-hekk imsejħa Common Risk Indicators skont linji gwida operazzjonali li ssir mill-Kummissjoni Ewropea. Iddiskutejna wkoll il-possibbiltà li nikkunsidraw emendi speċifiċi fis-Schengen Borders Code biex fejn ikun neċessarju jiġu pprovduti checks permanenti, skont proposta mill-Kummissjoni.

Fi kliem ieħor, kollox se jsir għalissa fil-qafas eżistenti u skont regoli komuni.

Il-koperazzjoni għandha tkompli fil-qsim ta’ informazzjoni bejn awtoritajiet tal-ġustizzja, inkluż permezz tal-Europol u l-Eurojust. Tkompli l-koperzzjoni kontra traffikar ta’ armi, kif ukoll iktar koperazzjoni bejn is-servizzi tas-sigurtà.

Għandhom jissaħħu wkoll ir-regoli kontra ħasil ta’ flus u finanzjar ta’ terroristi, kif ukoll l-awtoritajiet kompetenti jżidu l-azzjoni biex jittraċċaw il-mod kif jgħaddu l-flus u l-iffriżar effettiv tal-assi li jiffinanzjaw gruppi terroristiċi.
Irridu naħdmu wkoll biex nadottaw in-Network and Information Security Directive b’mod partikolari minħabba l-importanza tas-cyber security.

Dwar dan kollu fl-aħħar qbilna li l-Kummissjoni Ewropea f’April tippreżenta proposta komprensiva għal Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà.

GREĊJA

Nagħlaq billi nagħmel referenza għall-kwistjoni dwar il-Greċja.

Wara l-bidla fil-Gvern fil-Greċja, qamet il-kwistjoni dwar x’se jsir mit-twettiq tal-Programm ta’ Aġġustament Ekonomiku, jiġiferi li l-programm li fih il-kundizzjonijiet li bihom il-Greċja ngħatat self mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, fosthom Malta, u mill-istituzzjonijiet Ewropej u internazzjonali.

Il-Gvern Grieg għandu numru ta’ miżuri pendenti xi jwettaq minn dan il-programm qabel ma jkun jista’ jiġi ċċertifikat sabiex wara l-Greċja tkun tista’ tingħata l-parti li jmiss mis-self maqbul, li hija ta’ madwar €7 biljun.

Huwa evidenti li jekk il-programm preżenti ma jiġi estiż għal wara l-aħħar ta’ Frar ta’ din is-sena, ma kienx se jkun possibbli li l-Greċja tingħata aktar għajnuna minn dan il-programm.

Il-Gvern Grieg kien wiegħed li se jirrevedi l-Programm ta’ Aġġustament Ekonomiku tal-pajjiż li jiskadi fl-aħħar ta’ dan ix-xahar u li mhux lest li jġeddu.

Il-qagħda ekonomika u finanzjarja fil-Greċja ma tidhirx li hija tajba. Matul il-kampanja elettorali, id-dħul tal-Gvern mit-taxxi waqa’ sostanzjalment. Ir-rati tal-imgħax fuq id-dejn Grieg ogħla ħafna. Ħafna depożitanti bdew jirtiraw id-depożiti tagħhom mill-banek Griegi. Għaldaqstant, is-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja fil-Greċja sejra lura u aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qiegħda teħżien.

Fid-dawl ta’ dawn l-iżviluppi, fil-11 ta’ Frar 2015, ġiet imsejħa laqgħa speċjali tal-Ministri għall-Finanzi taż-żona tal-ewro. Fiha ġiet diskussa l-qagħda ekonomika u finanzjarja fil-Greċja. Il-Ministru ghall-Finanzi Grieg intalab jispjega l-politika ekonomika u finanzjarja tal-Gvern tiegħu kif ukoll l-intenzjonijiet tal-Gvern Grieg dwar il-Programm ta’ Aġġustament Ekonomiku li l-Greċja għandha.

Il-Ministru Grieg spjega li fil-fehma tiegħu dan il-Programm ma ħadimx u ħalliex ir-riżultati mixtieqha. Minflok dan il-programm ħoloq riċessjoni kbira u kriżi umanitarja. Għaldaqstant, il-Ministru Grieg sostna li dan il-Programm għandu jitwaqqaf u minflok il-Greċja għandha tingħata għajnuna temporanja sakemm tkun tista’ tiġi nnegozjata relazzjoni kuntrattwali ġdida bejn il-Greċja u l-istituzzjonijiet Ewropej.

Ir-reazzjoni tal-Ministri għall-Finanzi ta’ kull pajjiz fiż-żona tal-ewro kienet li l-Gvern Grieg għandu jagħti assikurazzjoni illi s-self kollu li l-Greċja ngħata fil-passat għandu jiġi mħares u li l-Gvern għandu jagħmel dikjarazzjoni f’dan is-sens fil-pubbliku.

Il-Gvern Grieg intalab ukoll jieqaf milli jagħmel aktar stqarrijiet li kienu qegħdin joħolqu inċertezza fis-swieq u li fuq kollox ma kienux qegħdin jgħinu lill-pajjiż.

Il-Gvern Grieg intalab jestendi għal numru ta’ xhur il-Programm preżenti sabiex tieqaf l-inċertezza, tingħata l-għajnuna pendenti u fuq kollox sabiex jinħoloq spazju u ambjent li fih seta’ jiġi diskuss u nnegozjata programm ta’ għajnuna ġdid. Din l-aħħar talba hija bil-maqlub ta’ dak li l-Gvern Grieg kien wiegħed.

Il-Gvern Malti għamel il-pożizzjoni tiegħu ċara ħafna u kif ġej: L-ewwel, il-Gvern talab assikurazzjoni illi qabel ma nitkellmu fuq kull forma ta’ flessibbiltà u nifs, il-Gvern Grieg għandu jagħti assikurazzjoni li se jonora d-dejn kollu li għandu ma’ pajjiżna. Hawnhekk irrid infakkar lil din il-Kamra illi pajjiżna silef lill-Greċja ’il fuq minn €188 miljun. Din hija ekwivalenti għal 2.4 fil-mija tal-Prodott Domestiku Gross. Il-maturità ta’ dan is-self kif ukoll ir-rati tal-imgħax fuqu kienu ġew aġġustati darbtejn minn dan il-Parlament sabiex jitħaffef il-piż tagħhom fuq il-Greċja. Dan kollu sar b’mod unanimu matul il-leġislatura li għaddiet.

It-tieni, illi l-Gvern Malti huwa lest li jikkopera u jaħdem mal-pajjiżi l-oħra fiż-żona tal-Ewro sabiex bi flessibbiltà u bi strateġija ekonomika u finanzjarja li tippromwovi t-tkabbir ekonomiku, jinstabu formoli meħtieġa sabiex titjieb il-qagħda fil-Greċja.

It-tielet, illi l-ħidma għal dan il-għan għandha ssir fi ħdan l-istrutturi eżistenti u fi spirtu ta’ koperazzjoni.

Aħna nfurmati li l-qagħda fil-Greċja u l-Programm ta’ Aġġustament Ekonomiku lill-Greċja ġew diskussi wkoll waqt taħdidiet tekniċi bejn l-istituzzjonijiet Ewropej, il-Fond Monetarju internazzjonali u l-Gvern Grieg il-Ġimgħa u s-Sibt li għadda.

Fil-laqgħa regolari tal-Ministri ghall-Finanzi taż-Żona Ewro, magħrufa bħala Eurogroup, li saret fis-16 ta’ Frar, ingħata rendikont dwar l-eżitu tat-taħdidiet tekniċi li rreferejt għalihom aktar kmieni. Minn dak li ngħad, deher ċar illi ma kien sar l-ebda progress dwar il-kwistjoni.

Il-Gvern Malti reġa’ tenna l-pożizzjoni tiegħu. L-istess għamlu l-Gvernijiet tal-pajjiżi l-oħra taż-żona tal-ewro. Minn din il-laqgħa deher ċar illi, minkejja li hemm apprezzament sostanzjali dwar il-qagħda fil-Greċja, qbil aħħari dwar it-triq ’il quddiem kien għadu ma nstabx.

Iżda reġa’ ngħata s-sinjal li l-ewwel pass għandu jkun li l-Gvern Grieg ma jistax ikompli jgħid li ma jridx il-Programm ta’ Aġġustament, u minflok, biex ikun hemm kwalunkwe diskussjoni, għandu jitlob estensjoni tal-Programm ta’ Aġġustament Ekonomiku. Il-Gvern Grieg ingħata sa tmiem din il-ġimgħa biex jagħmel dan.

Jekk il-Gvern Grieg jitlob estensjoni tal-Programm, kif intalab, għandu mnejn tissejjaħ laqgħa tal-Eurogroup sabiex din it-talba tigi diskussa u tittieħed deċiżjoni dwarha.

Wieħed jittama li s-sens komun jipprevali.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  L-isport huwa għodda b’saħħitha ħafna fil-ġlieda kontra l-vjolenza domestika – Il-Ministru Rosianne Cutajar

PR262047

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR  Il-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena 2026 jagħti ġieħ lill-ħaddiema Maltin u Għawdxin

PR262046

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow