Left arrow Go Back

IL-PRIM MINISTRU JOSEPH MUSCAT NIEDA L-COMMONWEALTH BUSINESS FORUM

pr150304mt
Date Icon 16/02/2015

Il-Commonwealth Business Forum 2015 (CBF), li se jkun qed jiltaqa’ mill-24 sas-26 ta’ Novembru, tnieda dalgħodu mill-Prim Ministru Joseph Muscat fil-Kamra Maltija tal-Kummerċ.

“Il-futur tal-Commonwealth jista’ jkun aktar sod jekk il-pajjiżi kollha jikkoperaw fuq għadd livelli, minn dawk politiċi  għal kulturali, industrijali u kummerċjali,” qal Muscat. “Jien pożittiv li l-Business Forum, li ser jinżamm f’Malta qabel iċ-CHOGM, jista’ jipprovdi l-pjattaforma neċessarja għal tkabbir u prosperità fil-Commonwealth,” żied jgħid.

Il-Forum huwa koorganizzat mill-Gvern ta’ Malta u l-Commonwealth Enterprise and Investment Council (CWEIC) u se jiltaqa’ fil-lukanda Hilton Malta. Dan il-Forum se jkun qed jattira aktar minn elf delegat. Il-programm se jipprovdi spazju għal djalogu ta’ livell għoli bejn rappreżentanti mill-qasam tan-negozju u mexxejja tal-Gvern filwaqt li se tiżviluppa sħubijiet aktar b’saħħithom sabiex tiżgura li l-Commonwealth jilgħab l-irwol tiegħu fil-promozzjoni ta’ tkabbir sostenibbli madwar id-dinja.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat kien akkumpanjat mill-Ministru Chris Cardona, Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar; Lord Jonathan Marland, Ċerpersin tal-CWEIC; il-Membru Parlamentari tar-Renju Unit Zac Goldsmith;  u s-Sur Adrian Hillman, Ċerpersin tal-kumitat organizzattiv tal-CBF 2015. Għat-tnedija attendew persuni distinti mill-qasam tan-negozju minn firxa wiesgħa ta’ industriji.

Fost it-temi ewlenin li se jiġu diskussi matul il-CBF f’Novembru se jkun hemm “Teknoloġija għat-Tkabbir”, “Destinazzjoni Malta – Noħolqu Hub Kummerċjali għall-UE, il-Lvant Nofsani u l-Afrika”, u “Servizzi Finanzjarji għat-Tkabbir.” Kwistjonijiet oħrajn ta’ prijorità għall-Forum se jinkludi setturi bħall-infrastruttura, il-kura tas-saħħa, it-turiżmu u s-sostenibbiltà.

“Il-Commonwealth Business Forum jipprovdi opportunità unika għall-komunità tan-negozju madwar il-Commonwealth biex jiltaqgħu u flimkien jiddiskutu kwistjonijiet ewlenin, jaqsmu l-aħjar prattiċi, jidentifikaw opportunitajiet kummerċjali ġodda u jilħqu r-rappreżentanti għolja tal-Gvern u sħabhom mill-partijiet kollha tad-dinja,” qal Lord Marland.

Il-CBF iservi wkoll ta’ pjattaforma għan-nazzjonijiet tal-Commonwealth biex jesponu opportunitajiet ta’ investiment għall-komunità tan-negozju globali. Il-Forum jipprovdi opportunità għan-negozji biex jinfluwenzaw id-dibattitu dwar kwistjonijiet marbuta mal-kummerċ u mal-investiment globali.

Lord Marland issokta jgħid li, “aħna ħerqana li naħdmu ma’ msieħba f’Malta sabiex niżguraw li l-Forum iwassal għal riżultati reali – kemm f’termini ta’ sħubija ta’ negozji u ftehimiet ġodda, kif ukoll biex jipprovdi aġenda ċara ta’ kif in-netwerk tal-Commonwealth jista’ jżid il-valur billi jġib prosperità u żvilupp ekonomiku sostenibbli għall-pajjiżi membri.”

“Din hija ekonomija bi tkabbir sostnut, bi ftit ostakli, b’finanzi sodi, regolamentazzjoni solida, stabbiltà politika, komunikazzjoni faċli, bla tassazzjoni punittiva, swieq miftuħa u qgħad baxx. Mhux se nkunu kompjaċenti – u se nkomplu nilqgħu l-investiment u l-ħiliet mill-pajjiżi tal-Commonwealth u lil hinn,”qal il-Ministru għall-Ekonomija, Chris Cardona.

“B’popolazzjoni totali ta’ aktar minn 2.3 biljuni, b’GDP ta’ aktar minn US$ 10 triljun, u stima ta’ tkabbir annwali medju ta’ 7.3% għall-pajjiżi tal-Commonwealth matul il-ħames snin li ġejjin f’kummerċ u investiment intra-Commonwealth, hemm potenzjal ta’ tkabbir sinjifikanti għall-ġejjieni”qal is-Sur Adrian Hillman.

Fid-diskors tiegħu waqt it-tnedija, il-Membru Parlamentari tar-Renju Unit u ekseditur tal-Ecologist Magazine, Zac Goldsmith MP, qal li “minħabba l-firxa ta’ vuċijiet li jista’ jġib flimkien, il-Commonwealth għandu opportunità reali biex jagħti sehem uniku lill-aġenda globali għal żvilupp sostenibbli, u jindirizza b’mod partikolari l-isfidi li qegħdin jiffaċċjaw l-istati ż-żgħar. It-tmexxija ta’ Malta se tkun kruċjali.”

Dan il-Forum iltaqa’ għall-ewwel darba fiċ-CHOGM ta’ Edinburgu fl-1997 u minn dakinhar baqa’ parti prominenti mill-programm taċ-CHOGM. Il-Forum huwa l-aktar avveniment kummerċjali importanti fil-kalendarju tal-Commonwealth, li jġib flimkien Kapijiet tal-Gvern, Ministri u mexxejja tan-negozju għoljin minn madwar id-dinja.

Għal aktar tagħrif wieħed jista’ jżur www.chogm2015.mt u www.cweic.org.

pr150304a.pdfpr150304a.pdf

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  L-isport huwa għodda b’saħħitha ħafna fil-ġlieda kontra l-vjolenza domestika – Il-Ministru Rosianne Cutajar

PR262047

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR  Il-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena 2026 jagħti ġieħ lill-ħaddiema Maltin u Għawdxin

PR262046

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZ...

More Press Releases Right arrow