DISKORS MILL-MINISTRU GĦAT-TURIŻMU EDWARD ZAMMIT LEWIS FL-OKKAŻJONI TAL-MITT ANNIVERSARJU TAL-AVJAZZJONI F’ MALTA.
Il-Gvern ser ikompli jaħdem mas-settur privat u mal-entitajiet mhux governattivi fis-settur tal-avjazzjoni sabiex nagħmlu minn dan is-settur wieħed t’aktar suċċess.
Kien eżattament seklu ilu li ajruplan “seaplane” għamel l-ewwel titjira minn ġewwa l-Port il-Kbir. Filwaqt li niċċelebraw dan l-avveniment storiku, ta’ min wieħed jifli l-passi li wasslu għall-iżvilupp tal-avjazzjoni f’Malta, u x’tifsira sar għandu dan is-settur illum il-ġurnata.
Grazzi għall-pożizzjoni ġeografika ta’ Malta, l-avjazzjoni bħala industrija rat bidu bikri. Fil-fatt, l-avjazzjoni kummerċjali kellha l-bidu tagħha f' Malta mal-ewwel żbark ta’ passiġġieri fl-1926. Sa dakinhar, idroplani (seaplanes) li kienu jaslu hawn kienu jġorru bejn wieħed u żewġ passiġġieri, kif ukoll xi posta mill-Ingilterra u l-Italja. Kien biss wara t-Tieni Gwerra Dinjija li kien hemm żieda evidenti fid-domanda għall-avjazzjoni kummerċjali. U kien it-tkabbir sussegwenti fit-traffiku lejn Malta li wassal għall-bini ta' terminal tal-ajru ġdid f’Ħal Luqa fis-sena 1958.
Sadanittant, bħala kolonja Ingliża, il-Gżejjer Maltin komplew iwettqu rwol militari importanti bħala bażi għall-operazzjonijiet bl-ajru fil-Mediterran. Fl-1965, Malta ssieħbet fl-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili (ICAO), u fl-1969, ġie mwaqqaf ir-reġistru tal-ajruplani Malti.
Bil-miġja tal-ajruplani bil-‘jet engine’ u l-ivvjaġġar tal-massa, ġew miżrugħa ż-żrieragħ għall-futur ta’ Malta bħala destinazzjoni turistika ewlenija. Minn dakinhar, Malta qatt ma ħarset lura, u l-ivvjaġġar bl-ajru tal-massa, li kien sar possibbli permezz tal-progress teknoloġiku, wassal għal tkabbir qawwi fl-industrija tat-turiżmu. F’dan il-perjodu, għal skopijiet strateġiċi, inħass il-bżonn sabiex Malta jkollha linja nazzjonali tal-ajru tagħha, u fl-1973, twieldet l- Air Malta. Ftit snin wara, fl-1977, saret l-estensjoni tar-‘runway’, sabiex b’hekk setgħu ġew akkomodati ajruplani akbar. Is-snin sebgħin fil-fatt raw tibdiliet kbar, fosthom it-trasferiment mingħajr problemi tal-ajruport u s-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru f’idejn il-Maltin.
Matul is-sebgħinijiet u t-tmeninijiet, l-industrija tat-turiżmu Maltija kibret b'rata mgħaġġla, sabiex fl-1992, ġie mibni terminal tal-arju ġdid fil-Gudja sabiex jilqa’ għall-ħtiġijiet tal-industrija. Fl-2003, l-industrija tal-manutenzjoni tal-ajruplani lokali ħadet pass kbir ‘il quddiem bid-deċiżjoni tal-Lufthansa Technik li tibda tagħti servizzi tekniċi lill-ajruplani f’Malta. Kien ukoll ftit wara li dawn il-gżejjer bdew jieħdu reputazzjoni bħala ġurisdizzjoni ta’ kwalità fil-qasam tar-reġistrar tal-ajruplani.
L-istorja tal-avjazzjoni f'Malta għadha qed tinkiteb. Ħarsa lejn l-iskedi tat-titjiriet li wieħed jara fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, li hu fih innifsu monument ħaj għal din l-industrija, tagħti idea ta' kif l-avjazzjoni għadha sservi bħala pont dinamiku bejn Malta u l-kumplament tad-dinja. Il-konnettività bl-ajru tibqa’ waħda mill-pilastri strateġiċi tal-politika tat-turiżmu tagħna.
Fil-preżent qed nieħdu numru ta’ inizjattivi bħala Gvern li rrid nagħmel referenza għalihom;
1. Huwa bi pjaċir kbir li nista’ nħabbar li l-Kummissjoni Ewropea approvat proġett bejn l-Ministeru tat-Turiżmu u aġenzija stabilità mill-Olanda u l-MCST. Dawn ser jaħdmu flimkien fuq ‘business plan’, li l-Kummissjoni ser tgħaddilna s-somma ta’ madwar EUR375,000 għalih, li ser jimmira sabiex Malta ssir Ċentru ta’ Eċċellenza fil-qasam tal-avjazzjoni permezz ta’ ‘National Aerospace Centre’. Dan ser ikun t’appoġġ għall-istakeholders kollha fl-industrija, filwaqt li jkompli ssaħħaħ l-kompetittività ta’ pajjiżna f’dan il-qasam.
2. Għall-ewwel darba ħadna sehem fl-International Civil Aviation Conference, fejn l-Istati Membri tal-ICAO jiltaqgħu u fejn isiru negozjati bilaterali dwar ‘air services agreements’
3. Aħna determinati wkoll illi l-Air Malta tibqa’ jkollha rwol strateġiku importanti kemm bħala linja tal-ajru kummerċjalment viabbli, kif ukoll bħala parti integrali mal-politika u l-viżjoni tagħna ghat-turizmu.
4. Reċentement, ħejjejna t-triq sabiex nirratifikaw il-Protokoll ta' Montreal. Dan il-Protokoll huwa żvilupp importanti għall-qasam tal-avjazzjoni, għaliex għandu l-għan illi jindirizza dawk in-nuqqasijiet eżistenti fejn tidħol is-sigurtà tal-passiġġieri, kif ukoll kwistjonijiet ta’ ġuriżdizzjoni bejn l-istati, fost oħrajn.
5. Sal-aħħar ta’ din is-sena qed naraw li r-reviżjoni ppjanata tal-Att ta' Reġistrazzjoni tal-Ajruplani tkun lesta anke mill-proċess Parlamentari. Dan iwassal għal qafas legali aħjar li jista’ jġib aktar xogħol f’dan is-settur lejn pajjiżna.
6. Dan il-Gvern identifika ‘clusters’ fi ħdan l-industrija tal-avjazzjoni bħala ‘aircraft finance’, ‘aircraft leasing’, taħrig f’dan il-qasam, li minnhom Malta tista’ tgawdi vantaġġi kompetittivi b'saħħithom, u fejn il-pajjiż jista’ jibbenefika kemm bħala dħul, kif ukoll f’ termini ta’ ħolqien ta’ opportunitajiet ta' xogħol ta’ kwalità.
7. Qed niffaċċjaw l-isfida tal-RPAs (Remote Pilot Aircraft) li qiegħda tikber b’rata mgħaġgla ħafna. Fix-xhur li gejjin ser inkunu qed nagħmlu qafas legali ħalli dawn jiġu rregolati u fl-istess ħin nippruvaw nieħdu l-opportunitajiet li dan jista’ joffri għalina.
8. Qed naħdmu mal-Ministeru għal Għawdex ħalli sa mhux aktar tard mis-sena 2017 inkunu diġà bdejna tal-Gozo Rural Airfield biex nagħtu aktar aċċessibilità bl-ajru lil Għawdex.
9. Ser nibqgħu nżidu l-konnettività tagħna bl-ajru għaliex dan hu kontributur ewlieni għas-suiċċess fit-turiżmu. Din is-sena ser naraw lil Finnair, Swissair u Jet2.com
Fl-aħħarnett, irrid insellem u nesprimi r-ringrazzjament tiegħi lil dawk il-protagonisti, kemm tal-passat kif ukoll tal-preżent, tas-settur tal-avjazzjoni Maltija, għall-isforzi tagħhom fl-iżvilupp ta’ dan il-kontributur tant importanti għall-gid tagħna lkoll. Flimkien magħkom nistgħu nagħmlu minn dan is-settur wieħed t’aktar suċċess.
Grazzi.
Stqarrijiet Oħra:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046