STQARRIJA TAL-GVERN: SENA REKORD GĦALL-INVESTIMENT BARRANI
L-istqarrija maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika tikkonferma li, anke fil-kamp tal-investiment barrani, amministrazzjoni ġdida fissret bidla pożittiva fid-direzzjoni.
Fl-aħħar sena tal-Gvern preċedenti, l-investiment barrani (eskluż il-movimenti fis-settur finanzjarju) kien baqa’ stabbli. Filwaqt li kien hemm żieda fl-investiment barrani fis-servizzi, din kienet kuntrastata minn tnaqqis ta’ investiment fil-manifattura. Fost oħrajn kien hemm il-kumpanija Brażiljana li suppost kellha tkun investiment kbir għal pajjiżna iżda imbagħad ħareġ li kienet diġà għalqet u telqet minn Malta.
Min-naħa l-oħra ċ-ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li, fl-ewwel sena ta’ Gvern ġdid, l-2013, l-investiment dirett barrani (eskluż il-movimenti fis-settur finanzjarju) żdied b’€241 miljun, riżultat ta’ żieda fis-setturi kollha u speċjalment fil-manifattura.
Fl-ewwel sitt xhur tal-2014, reġa’ kien hemm żieda ta’ €131 miljun fl-investiment barrani (eskluż il-movimenti tas-settur finanzjarju). Dan meta fl-istess perjodu matul l-aħħar sena tal-amministrazzjoni preċedenti kien hemm żieda ta’ €23 miljun.
Fost is-setturi fejn l-aktar żdied l-investiment hemm il-manifattura u s-settur tal-akkomodazzjoni u t-trasport. Kien hemm żidiet konsiderevoli wkoll fl-investiment barrani fl-industrija tas-servizzi professjonali u tekniċi kif ukoll fl-informatika.
Ta’ min ifakkar li, matul l-ewwel disa’ xhur tal-2014, kien hemm 106 investiment li ngħataw inċentivi mill-Malta Enterprise, b’kuntrast mal-75 proġett li seħħ fl-istess żmien tal-2013. Mal-187 kumpanija ħadu bejniethom €46.5 miljun f’tax credits biex jinvestu, filwaqt li kumpaniji żgħar u medji ngħataw €7 miljun f’għajnuniet fiskali.
890 intrapiża bbenefikaw mill-iskema tal-MicroInvest, b’għajnuna totali ta’ €6.2 miljun. €16-il miljun ġew INVESTITI
fit-titjib taż-żoni industrijali u rranka x-xogħol fuq id-Digital Hub. Ġie ukoll konkluż l-akbar investiment barrani fl-istorja ta’ pajjiżna bl-iffirmar tal-ftehim strateġiku bejn l-Enemalta u x-Shanghai Electric Power.
Il-Gvern se jkompli jaħdem biex jiġi lejn Malta aktar investiment dirett barrani bil-għan li jinħolqu aktar impjiegi u aktar ġid għall-familji tagħna.
Other Press Releases:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046