STQARRIJA MILL-GVERN TA’ MALTA
It-tifdil tal-familji jilħaq rekord ta’ €9 biljun
Fi tmiem Diċembru li għadda, għall-ewwel darba fl-istorja, id-depożiti tal-familji Maltin u Għawdxin ma’ banek lokali qabżu l-figura rekord ta’ €9 biljun. Dan ifisser li, skont iċ-ċifri tal-Bank Ċentrali, matul l-2014 il-familji f’pajjiżna faddlu mal-banek €831 miljun, żieda ta’ 10.1% fuq is-sena ta’ qabel.
Din iż-żieda qawwija fit-tifdil seħħet f’sena li fiha kien hemm ukoll żieda qawwija fil-konsum. Matul l-2014 inħarġu fit-toroq tagħna 19,212 vettur ġdida, jew 23% aktar mill-aħħar sena tal-amministrazzjoni preċedenti. L-importazzjoni ta’ oġġetti għall-konsum laħqet kważi €1.1 biljun, żieda ta’ 6% fuq l-2012. Skont il-Eurostat, f’Diċembru 2014, il-volum ta’ bejgħ tal-ħwienet tagħna kien 4.4% akbar minn dak sentejn qabel – meta fil-bqija taż-żona ewro ż-żieda kienet ta’ 2.7% biss.
Mill-ewwel xahar ta’ din l-amministrazzjoni, it-tifdil tal-familji Maltin u Għawdxin żdied b’€1.3 biljun, jew 18%. Dan ifisser li, kull xahar, kien hemm żieda medja ta’ €61 miljun, jew kważi €2 miljuni kuljum.
Dawn ir-riżultati juru li, f’inqas minn sentejn, il-familji tagħna diġà faddlu 21% aktar milli kienu faddlu f’ħames snin taħt l-amministrazzjoni preċedenti.
Iċ-ċifri tal-Bank Ċentrali jikkontradixxu l-analiżi tal-Kap tal-Oppożizzjoni li bħalissa hawn għafsa fil-pagi u li l-qagħda tal-familji tagħna sejra għall-agħar. Ir-realtà hija li r-rata ta’ tifdil tal-familji tagħna aktar milli rduppjat mindu seħħet il-bidla fit-tmexxija.
Dan hu kkonfermat ukoll mill-istħarriġ li tagħmel, b’mod regolari, il-Kummissjoni Ewropea u li juru li l-familji Maltin u Għawdxin huma fost il-ftit familji fl-Ewropa li qed jgħidu li l-qagħda finanzjarja tagħhom qed titjieb. Xahar wara xahar, pajjiżna qed ikollu l-ogħla livell ta’ ottimiżmu fost il-pajjiżi taż-żona ewro.
Miżuri bħar-roħs fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma u roħs fil-prezzijiet tal-fuel, tnaqqis fir-rati tat-taxxa fuq id-dħul u l-introduzzjoni tas-servizz taċ-childcare b’xejn għal kulħadd taw spinta qawwija lill-poter tal-akkwist tal-familji. Il-Gvern jemmen li pajjiżna għandu ħafna potenzjal ekonomiku u fix-xhur li ġejjin ser ikompli jsaħħaħ il-ħidma favur aktar tkabbir ekonomiku. Huwa b’dan il-mod, u mhux bl-awsterità u żidiet fil-piżijiet li kienu jiddominaw taħt amministrazzjoni preċedenti, li jinħoloq il-ġid u jitqassam b’mod ġust.
Other Press Releases:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046