Left arrow Go Back

IL-KUNSILL MALTI GĦALL-IŻVILUPP EKONOMIKU U SOĊJALI JIDDISKUTI L-ABBOZZ TAL-POLITIKA NAZZJONALI GĦAT-TURIŻMU 2015 - 2020

pr150274
Date Icon 11/02/2015

Din il-politika ġdida għat-turiżmu tipprovdi viżjoni li għandha tixpruna lill-istakeholders u lis-soċjetà ċivili sabiex ilkoll jaħdmu id f’id biex ikollna settur ta’ aktar suċċess għal benefiċċju ta’ kulħadd

F’laqgħa tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali l-MCESD li saret dalgħodu, l-imsieħba soċjali ddiskutew l-abbozz tal-politika nazzjonali għat-turiżmu għas-snin 2015 – 2020.

F’intervent li għamel, il-Ministru għat-Turiżmu Dr Edward Zammit Lewis spjega kif it-turiżmu huwa l-pilastru ewlieni tal-ekonomija tagħna, li jikkontribwixxi b’mod dirett jew indirett għal terz tal-prodott gross domestiku ta’ pajjiżna. Semma kif matul l-aħħar snin, rajna żvilupp sħiħ u tibdil radikali f’dan is-settur. Din l-evoluzzjoni ħolqot in-neċessità li tkun aġġornata l-politika nazzjonali għat-turiżmu, biex b’hekk inkunu preparati aħjar għal dawn l-isfidi ġodda, u nisfruttaw aħjar l-opportunitajjiet li jeżistu f’dan is-settur.

“Matul ix-xhur li għaddew, il-Ministeru tiegħi ħadem fuq dan id-dokument b’konsultazzjoni sħiħa ma’ kumitat li jiena waqqaft b’rappreżentanza ta’ numru ta' stakeholders. Id-dokument prinċipalment jittrata erba’ oqsma. Dawn huma, il-konnettività ta' pajjiżna, il-marketing u l-promozzjoni ta' Malta internazzjonalment u kif nistgħu nistimulaw aktar domanda minn viżitaturi lejn pajjiżna, it-titjib u żvilupp tal-prodott u servizzi turistiċi u l-ħtiġijiet partikolari għal gżira ta' Għawdex, li hija kkunsidrata bħala destinazzjoni distinta. Il-politika tenfasizza l-importanza li nipproteġu u nippromovu tradizzjonijiet u dak li huwa indiġinu għal pajjiżna” saħaq il-Ministru Zammit Lewis.

Il-Ministru għat-Turiżmu fisser kif din il-politika ġiet imfassla f'qafas ta’ viżjoni għat-turiżmu sostenibbli li twassalna sas-sena 2030 u hija bbażata fuq tliet binarji prinċipali li jinkludu l-immaniġġar tan-numri ta' viżitaturi, iż-żieda fil-livell ta’ kwalità f’katina ta’ servizzi u prodotti offruti lit-turisti, kif ukoll li jkun sfruttat aħjar il-potenzjal matul ix-xhur tax-xitwa. Dan jassigura li titjieb l-istaġjonalità u tissaħħaħ is-sostenibbiltà ta' din l-industrija.

“Din il-politika,” żied jgħid il-Ministru għat-Turiżmu, “tipprovdi viżjoni li għandha tixpruna lis-stakeholders kollha biex jaħdmu id f’id u biex jieħdu inizjattivi li għandhom iwasslu għas-suċċess u tkabbir ta' din l-industrija. Isservi wkoll għal-linja gwida għall-Gvern u għat-tfassil ta' numru ta' policies oħra u deċiżjonjiet li jridu jittieħdu biex l-objettivi li hemm imfassla f’dan id-dokument jintlaħqu.”

Il-Ministru Zammit Lewis tenna l-importanza li nibqgħu viġilanti fuq żviluppi fis-swieq fost affarijiet oħra, biex b’hekk inkunu nistgħu naġġornaw il-pjani tagħna kif ikun meħtieġ.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  L-isport huwa għodda b’saħħitha ħafna fil-ġlieda kontra l-vjolenza domestika – Il-Ministru Rosianne Cutajar

PR262047

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR  Il-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena 2026 jagħti ġieħ lill-ħaddiema Maltin u Għawdxin

PR262046

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZ...

More Press Releases Right arrow