Left arrow Go Back

​STQARRIJA TAL-GVERN TA’ MALTA: REKORD FIL-ĦOLQIEN TA’ IMPJIEGI: 18-IL IMPJIEG AKTAR KULJUM

PR150272
Date Icon 11/02/2015

F’Settembru 2014, l-ammont ta’ ħaddiema full-time fil-pajjiż kien 6,446 aktar mill-istess xahar tas-sena ta’ qabel. Dan ifisser li, matul l-aħħar tnax-il xahar, l-impjiegi full-time żdiedu bi kważi 18 kuljum, jew id-doppju tar-rata ta’ ħolqien ta’ xogħol fl-aħħar sena tal-amministrazzjoni preċedenti. F’Settembru li għadda, l-ammont ta’ nies jaħdmu full-time laħaq ammont rekord ta’ aktar minn 165,000.

Għal darba oħra kien is-settur tas-servizzi li wera l-akbar żidiet fl-impjiegi. Jispikkaw żieda ta’ 1,047 impjieg fis-settur tas-servizzi amministrattivi, żieda ta’ 698 fis-servizzi tekniċi u professjonali u żieda ta’ 567 full-timer fl-informatika u l-kommunikazzjoni. Kien hemm ukoll tkabbir ta’ 528 impjieg fis-settur tal-bejgħ, żieda ta’ 367 impjieg fis-servizzi finanzjarji u tkabbir ta’ kważi 602 impjieg fis-settur tal-gaming u servizzi oħra. L-impjiegi żdiedu wkoll fil-manifattura u l-kostruzzjoni, żewġ setturi li matul l-amministrazzjoni preċedenti fihom intilfu eluf ta’ postijiet tax-xogħol.

L-aħħar statistika turi li, fit-tnax-il xahar sa Settembru 2014, kien hemm żieda ta’ 3,975 persuna mas-settur privat. Dan l-andament pożittiv seħħ minkejja tnaqqis ta’ 726 ħaddiem mas-settur privat minħabba t-tluq tal-kumpanija Arriva. Mill-bidu ta’ Jannar ta’ din is-sena, dawn il-ħaddiema reġgħu daħlu lura mas-settur privat.

Meta wieħed jikkunsidra l-effett tal-Arriva, it-tkabbir fl-impjiegi full-time mas-settur privat jiġi jlaħħaq l-4,701. Dan huwa kważi elfejn persuna ogħla miż-żieda li kien hemm fl-aħħar sena tal-Gvern preċedenti. Għal kull erba’ impjiegi aktar li kien hemm taħt il-Gvern preċedenti, taħt l-amministrazzjoni preżenti kien hemm żieda ta’ seba’ impjiegi.

Fost l-aktar li gawdew minn din l-aċċelerazzjoni, wieħed isib il-ħaddiema Għawdxin. Filwaqt li fl-aħħar sena tal-Gvern preċedenti kien hemm tkabbir ta’ 18-il impjieg biss f’Għawdex, din is-sena kien hemm żieda ta’ 448, jew kważi 25-il darba aktar.

Fl-istess ħin, il-Gvern qiegħed iżid ir-riżorsi f’setturi importanti. Fost l-oħrajn, imqabbel ma’ sena ilu, hemm 512-il persuna aktar taħdem fis-settur tas-saħħa pubblika u 441 persuna aktar taħdem fl-edukazzjoni pubblika. Dan il-Gvern huwa kommess li t-tkabbir ekonomiku jirrifletti f’servizz aħjar ta’ saħħa u edukazzjoni għall-familji tagħna.

Dawn l-aħħar figuri jindikaw kemm il-politika tal-Gvern fil-qasam ekonomiku qed tħalli l-frott. Il-Gvern huwa impenjat li jkompli jinċentiva lis-settur privat biex joħloq aktar opportunitajiet ta’ xogħol. Dan huwa l-mod li bih jiġi ġġenerat aktar ġid li jitqassam b’mod ġust fost il-familji Maltin u Għawdxin.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  L-isport huwa għodda b’saħħitha ħafna fil-ġlieda kontra l-vjolenza domestika – Il-Ministru Rosianne Cutajar

PR262047

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR  Il-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena 2026 jagħti ġieħ lill-ħaddiema Maltin u Għawdxin

PR262046

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZ...

More Press Releases Right arrow