Left arrow Go Back

STQARRIJA TAL-GVERN: L-OPPOŻIZZJONI TIBQA’ MWAĦĦLA FIN-NEGATTIVITÀ

pr150256
Date Icon 07/02/2015

Filwaqt li jumejn ilu l-Kummissjoni Ewropea fissret lil Malta bħala pajjiż dinamiku li huwa t-tieni l-aqwa fit-tkabbir ekonomiku u l-aqwa fit-tkabbir tal-impjiegi, llum l-Oppożizzjoni qed tħoss li l-industriji ta’ pajjiżna qed jipproduċu inqas u jesportaw inqas.  

Meta kkwotat il-figura ta’ €720 miljun bħala tnaqqis tal-esportazzjoni, l-Oppożizzjoni nsiet li €403 miljun minnhom huwa marbut mal-fuel. Kulħadd jaf li pajjiżna ma jipproduċix fuel imma jeżisti biss kummerċ minn azjendi bi preżenza lokali minima. Dan ifisser li dan it-tnaqqis m’affettwax is-sitwazzjoni lokali.

L-Oppożizzjoni nsiet tgħid ukoll li l-bqija tat-tnaqqis kien fis-settur tal-makkinarji elettroniċi li huwa ddominat minn kumpanija waħda.

Mingħajr il-kummerċ taż-żejt u l-attività tas-settur tal-elettronika, l-esportazzjoni ta’ oġġetti fil-fatt żdiedet bi €17-il miljun fis-sentejn li għaddew. Barra minn hekk, tant żdiedet l-esportazzjoni tas-servizzi li pajjiżna, għall-ewwel darba fl-istorja, qed ikollu bilanċ pożittiv fil-kont kurrenti tal-pagamenti internazzjonali.

Dwar il-kummerċ retail, skont il-Eurostat, fix-xahar ta’ Diċembru, il-volum ta’ bejgħ tal-ħwienet kien 4.4% akbar mill-istess perjodu tal-2012. Dan it-tkabbir kien ukoll ogħla minn dak fiż-żona Ewro, 2.7%.

Ir-realtà hija li, kif ikkonfermat mill-istħarriġ tal-Kummissjoni Ewropea fost azjendi u konsumaturi Maltin u Għawdxin, għal dawn l-aħħar tmien xhur pajjiżna kellu l-aqwa livell ta’ ottimiżmu fost il-pajjiżi kollha taż-żona Ewro. L-indiċi tas-sentiment ekonomiku f’Jannar 2015 laħaq il-livell ta’ 114.7, jew kważi 15% aktar mill-medja rreġistrata kemm ilu jiġi mkejjel dan l-indikatur.

Pajjiżna għandu potenzjal kbir li fuqu l-Gvern se jkompli jaħdem biex kull industrija f’Malta tara tkabbir u, kif bassret il-Kummissjoni Ewropea, pajjiżna jibqa’ jgawdi minn tkabbir ekonomiku li se jkompli jwassal għal ħolqien ta’ aktar impjiegi u qgħad baxx.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  L-isport huwa għodda b’saħħitha ħafna fil-ġlieda kontra l-vjolenza domestika – Il-Ministru Rosianne Cutajar

PR262047

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR  Il-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena 2026 jagħti ġieħ lill-ħaddiema Maltin u Għawdxin

PR262046

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZ...

More Press Releases Right arrow