IĊ-CHOGM LI SE JIĠI ORGANIZZAT MALTA SE JAGĦTI SPINTA LIT-TIBDIL FIL-KLIMA - IL-MINISTRU LEO BRINCAT
“Iċ-CHOGM li se jiġi organizzat Malta huwa maħsub li jagħti spinta lit-tibdil tal-klima. Dan minħabba l-impenn tal-Gvern Malti li apparti milli jagħti nifs ġdid liċ-CHOGM innifsu, għandu jgħin biex jintlaħaq dan il-għan ftit jiem biss qabel ma jitlaqqa’ s-Summit Dinji dwar it-Tibdil tal-Klima (Cop 21) f’Pariġi li huwa mistenni li jwassal għal deċiżjonijiet kruċjali li mistennija jħallu impatt dirett fuq proċess tal-Ġnus Magħquda li ilu għaddej snin sħaħ.”
Il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima Leo Brincat qal dan f’New Delhi, l-Indja waqt li kien qed jindirizza Summit dwar l-Iżvilupp Sostenibbli u dwar ir-rabtiet bejn l-iżvilupp sostenibbli u t-tibdil tal-klima, waqt sessjoni Ministerjali dwar il-ħtieġa ta’ azzjoni urġenti dwar l-azzjoni favur il-Klima. F’din is-sessjoni Ministerjali sehem Segolene Royal, il-Ministru Franċiż għall-Ambjent u l-Iżvilupp Sostenibbli li se tkun qed tospita s-Summit ta’ Pariġi tal-Klima ta’ Diċembru 2015 kif ukoll is-Segretarju Ġenerali tal-Commonwealth innifsu Kamalesh Sharma.
Il-Ministru Brincat qal li kien xieraq li kien qed iħabbar dan fl-akbar stat membru tal-Commonwealth - l-Indja. Dan kien xieraq ukoll peress li ħadd daqs il-Commonwealth innifsu ma jiġbor flimkien daqstant diversità ta’ pajjiżi, li varjaw minn dawk żviluppati għal dawk li jissejħu emerging economies u dawk li għadhom fi stat bikri ta’ żvilupp li lkoll huma direttament milquta mill-isfidi tal-adatazzjoni għall-klima.
Huwa għarraf lid-delegati li fil-ġimgħat li ġejjin il-Parlament Malti kien se jkun qed jiddiskuti l-ewwel liġi dwar it-Tibdil tal-Azzjoni dwar il-Klima li qatt kellu l-pajjiż, wara li ftit ilu ntemm proċess intensiv ta’ konsultazzjoni pubblika. Huwa qal li din il-liġi se tgħin lill-Gvern jaħdem dwar il-klima f’mod aktar proattiv u strutturat.
Il-Ministru Brincat kellu għadd ta’ laqgħat bilaterali fosthom mas-Segretarju Ġenerali tal-Commonwealth.
Għas-Summit attendew rappreżentanti minn 35 pajjiż,13-il Kap ta’ Stat attwali jew irtirati, għadd ta’ Ministri tal-Ambjent u tal-Klima kif ukoll ’il fuq minn 100 uffiċjal għoli mis-settur privat u korporattiv.
Il-Konferenza kienet indirizzata fost oħrajn mis-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Maqgħuda Ban Ki-moon permezz ta’ video link.
Other Press Releases:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046