MALTA B’PARTEĊIPAZZJONI ATTIVA FL-ESEBIZZJONI INTERNAZZJONALI TAL-IGAMING F'LONDRA
Iċ-Chairman Eżekuttiv tal-MGA s-Sur Joseph Cuschieri rikonoxxut għall-kontribut tiegħu fl-Industrija
Is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kompetittività u t-Tkabbir Ekonomiku Dr José Herrera għadu kif temm żjarja f’Londra fejn attenda għal fiera internazzjonali tal-iGaming. L-ICE Totally Gaming 2015 hija esebizzjoni annwali li tiġbed lejha għexieren ta’ eluf ta’ persuni mid-dinja kollha. Malta kienet rappreżentata permezz ta’ stand imtellgħa apposta mill-Awtorità Maltija għal-Logħob (MGA).
F’kummenti li għadda lill-mezzi tax-xandir, is-Segretarju Parlamentari faħħar l-impenn tal-Awtorità f’din l-esebizzjoni. "Il-preżenza attiva tal-Awtorità flimkien ma’ parteċipazzjoni numeruża t’għadd ta kumpaniji reġistrati f’pajjiżna turi l-importanza ta’ din l-industrija għall-gżejjer Maltin", qal is-Segretarju Parlamentari. Għal din l-esebizzjoni apparti stand tal-Awtorità f’wieħed mill-paviljuni ta’ EXCEL f’Londra kien hemm ukoll għadd ta’ stands oħra ta’ ditti Maltin li jvarjaw minn kumpaniji tal-logħob għal oħrajn li joffru servizzi lill-industrija tal-logħob bħal avukati, awdituri, accountants u real estate.
Is-Segretarju Parlamentari fakkar li din l-industrija qed tkun sors ta’ għixien għal eluf ta’ persuni kif ukoll kontributur ewlieni għall-ekonomija tal-pajjiż. "Huwa għal dan il-għan li pajjiżna jeħtieġlu li jkun rappreżentat b’vuċi soda f’esebizzjonijiet internazzjonali ta’ dan it-tip", tenna s-Segretarju Parlamentari. Sehem Malta fl-industrija tal-logħob kien rikonoxxut ukoll mill-Gaming Intelligence Awards (GIA 2015), fejn f’okkażjoni rari Malti ġie rikonoxxut internazzjonalment għall-kontribut tiegħu biex tkompli tiżviluppa l-industrija. Filfatt iċ-Chairman Eżekuttiv tal-MGA is-Sur Joseph Cuschieri ngħata wieħed mill-Hot 50 awards. Is-Sur Cuschieri ngħata r-rikonoxximent ta’ backstage hero għaliex fis-sena u erba’ xhur li ilu fil-kariga, bil-viżjoni u d-determinazzjoni tiegħu huwa rnexxielu jħalli impatt pożittiv fuq l-industrija, operaturi u awtoritajiet barranin. Huwa rnexxielu wkoll jagħti dimensjoni ġdida lill-Awtorità fejn fost l-oħrajn tnaqqset il-burokrazija u saret aktar effiċjenti.
Is-Segretarju Parlamentari faħħar lis-Sur Cuschieri għar-rieda tiegħu li jagħmel mill-Awtorità regolatur aktar effettiv u effiċjenti. Tenna li din l-industrija f'pajjiżna hija fortunata li għandha nies bħas-sur Cuschieri li jifhmu l-importanza ta’ dan is-settur li dejjem iridu jkunu attenti għall-kompetizzjoni ta’ madwarna. Herrera fakkar li fl-aħħar ftit xhur taħt ir-responsabbiltà ta’ din l-Awtorità, il-Gvern waqqaf Fondazzjoni għal-Logħob Respnsabbli u dalwaqt ser tiġi varata l-Gaming Malta li ser tkun l-id promozzjonali tal-industrija f’pajjżna. Qal li rikonoxximenti ta’ dan it-tip jagħmlu ġieħ lil pajjiżna u jkomplu jaffermaw il-potenzjal ta’ Malta f’din l-industrija.
F’Londra s-Segretarju Parlamentari kien akkumpanjat mill-Kap tas-Segretarjat tiegħu s-Sur Adrian Sciberras u s-Segretarju Privat Charlon Gouder.
Other Press Releases:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046