L-UNJONI EWROPEA GĦANDHA TAĠIXXI QABEL IL-LIBJA SSIR FAILED STATE
Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-Ġermanja, bħala stat kruċjali fl-affarijiet Ewropej għandha tkun waħda mill-pajjiżi li tieħu t-tmexxija morali fil-kwistjoni tal-Libja.
F’konferenza tal-aħbarijiet f’Berlin, fi tmiem it-taħditiet mal-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel, Joseph Muscat qal li, filwaqt li għandu jibqa’ jkun hemm tħassib serju dwar sitwazzjonijiet problematiċi oħra bħal tal-Ukrajna, ħadd ma jista’ jinsa l-kriżi fin-naħa t’isfel tal-Ewropa fejn il-Libja hija viċin li ssir failed state.
“L-Unjoni Ewropea ma tistax tibqa’ lura milli tieħu azzjoni. Għad fadal tama ta’ soluzzjoni fil-Libja u l-mument li naġixxu huwa issa”, qal il-Prim Ministru li fisser ir-rispons tal-Kanċillier Ġermaniż għal dan l-appell bħala wieħed pożittiv.
Joseph Muscat qal li l-Libja hija kruċjali fil-qasam tal-enerġija, tal-migrazzjoni u tal-ġlieda kontra t-terroriżmu. Għalhekk Malta hija waħda mill-pajjiżi li qed tħeġġeġ l-idea li l-Libja titlob għal intervent ta’ paċi mill-Ġnus Maqgħuda. F’dan il-kuntest Angela Merkel qalet li l-Ġermanja lesta tagħti s-sehem tagħha. Semmiet kif il-migrazzjoni fil-Mediterran mhijiex problema ta’ pajjiż wieħed iżda sfida komuni li l-pajjiżi Ewropej jridu jerfgħu flimkien. Għalhekk l-istabbiltà f’pajjiż bħal-Libja hija kruċjali għal kulħadd.
Filwaqt li fakkret fil-ħamsin anniversajru mir-relazzjonijiet diplomatiċi bejn iż-żewġ pajjiżi, il-Kanċillier Ġermaniż qalet li bejn Malta u l-Ġermanja jeżistu rabtiet bilaterali b’saħħithom, mhux biss politiċi imma anke fuq livell ta’ ħbiberija. Fissret kif il-koperazzjoni ekonomika wasslet biex ħafna negozji Ġermaniżi investew f’Malta b’suċċess. Merkel espremiet il-fiduċja tagħha li din ir-rabta bejn Malta u l-Ġermanja tibqa’ tissaħħaħ fil-futur.
Fost temi oħra diskussa fit-taħditiet bilaterali kien hemm is-sitwazzjoni preżenti fiż-żona ewro u r-riformi meħtieġa fil-pajjiżi Ewropej. Il-Prim Ministru spjega kif Malta hija favur dixxiplina u flessibilità iktar milli laxkezza u riġidità. Qal li l-Ewropa trid tara li jinżammu r-regoli finanzjarji imma m’għandhiex titfa’ regolamenti żejda li jfissru piżijiet fuq l-ekonomiji.
Dwar is-sitwazzjoni tal-Greċja, Joseph Muscat qal li jrid ikun hemm rieda tajba min-naħat kollha. Filwaqt li għandu jsir dak kollu possibbli biex il-Greċja tibqa’ fiż-żona ewro, ma jistax isir l-impossibli. Qal li jista’ jkun hemm diskussjoni dwar meta għandu jitħallas lura d-dejn li għandha l-Greċja imma l-impenn tal-Greċja għandu jibqa’ hemm u r-riformi fil-pajjiż jridu jiġu mwettqa.
Other Press Releases:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046