IL-KUNSILL MALTI GĦALL-IŻVILUPP EKONOMIKU U SOĊJALI JISSOKTA BID-DISKUSSJONI DWAR IL-KOMPETITTIVITÀ TA’ PAJJIŻNA
F’laqgħa tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali l-MCESD li saret dalgħodu, l-imsieħba soċjali komplew jiddiskutu l-qasam tal-kompetittività ta’ pajjiżna.
Fil-ftuħ tal-laqgħa, il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili Helena Dalli qalet li din hija t-tielet darba li l-MCESD qed jitlaqqa’ fuq dan is-suġġett. Fissret kif il-miżuri mħabbra fil-baġit tfasslu b’tali mod li jwasslu biex il-pajjiż isir aktar kompetittiv. Fi kliem Dr Dalli, ir-riżultati qed jagħmlulna kuraġġ biex insaħħu dak li qed nagħmlu.
Il-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar, Dr. Chris Cardona qal li l-kompetittività hija s-sinsla ta’ pajjiż ekonomikament b’saħħtu. Saħaq li dan il-Gvern dejjem ta prijorità lit-tisħiħ tal-kompetittività, u dan kien rifless bl-aħjar mod, fl-aħħar budget preżentat, fejn ittieħdu numru ta’ miżuri bla preċedent, fosthom ir-roħs fil-kontijiet tad-dawl għall-industrija u n-negozju.
Fi preżentazzjoni li ta, il-Ministru Cardona semma wkoll miżuri u inizjattivi oħrajn li qiegħed jieħu l-Gvern, fosthom in-National Logistic Policy li għandha tikkontribwixxi b’mod sostanzjali biex l-ekonomija tagħna żżid fil-kompetittività tagħha.
Semma wkoll kif il-Malta Enterprise u l-Kamra tal-Kummerċ, Intrapriża u Industrija qed jiltaqgħu b’mod regolari biex jidentifikaw u jindirizzaw diversi aspetti relatati mal-kompetittività.
“Il-gvern, se jibqa’ sensittiv għall-ispejjeż li jħabbtu wiċċhom magħhom l-operaturi tal-industrija u n-negozji f’pajjiżna. Is-sensittività mhix biss riflessa fil-mod kif il-Gvern qed jaġixxi quddiem l-isfida serja tal-enerġija f’pajjiżna, imma wkoll fit-tip ta’ relazzjoni li l-Gvern irnexxielu jibni mal-operaturi ekonomiċi f’pajjiżna” saħaq il-Ministru Cardona.
Stqarrijiet Oħra:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046