Left arrow Mur Lura

DISKORS MILL-PRESIDENT TA’ MALTA MARIE-LOUISE COLEIRO PRECA, WAQT IL-FTUĦ TAL- KONFERENZA FL-OKKAŻJONI TAL-JUM DINJI KONTRA L-KANĊER MTELLA’ MILL-ACTION FOR BREAST CANCER FOUNDATION

PR150224
Date Icon 04/02/2015

L-Erbgħa 4 ta’ Frar 2015

Insellmilkom.

Allow me to extend a warm welcome to our guest, Ms Genon Jenson, from the Health and Environment Alliance, who has kindly accepted to be the keynote speaker at this conference.

I would like to thank also the Action for Breast Cancer Foundation for organising this event today.

I am certain we are all eager to hear how environment policies can play an effective role in the prevention of cancer.

I wish you Genon Jensen, a fruitful and enjoyable stay in Malta, and hope you will find some time to see our beautiful island.

Illum proprju qegħdin infakkru l-Jum Dinji kontra l-kanċer. 

Madwar id-dinja, kif ukoll f’pajjiżna, qed naraw statistika li turi li l-inċidenza tal-kanċer qiegħda dejjem tiżdied; iżda wkoll qed tiżdied ir-riċerka f’dan il-qasam, u li qed twassal għal aktar possibilitajiet ta’ fejqan u trattament.

Hawn nisħaq li kull persuna għandha d-dritt għal trattament dinjituż, u li jtawwal il-ħajja kemm jista’ jkun, mhux bħalma qed jiġri f’xi pajjiżi oħra, fejn il-ħajja ma tingħatax il-valur li verament jistħoqqilha.

Hawnhekk nixtieq nagħmel appell lilkom, il-professjonisti fil-qasam tas-saħħa biex tkomplu tistinkaw fir-riċerka tagħkom biex ix-xogħol tagħkom ikun dejjem ibbażat fuq evidenza li joħroġ mill-istudji tagħkom.  

Minn dawn ix-xhur nindaga fuq riċerka u studji, qed nara kemm huwa importanti wkoll, li r-riċerka tkun ibbażata fuq l-esperjenzi lokali, speċjalment jekk qed inħarsu lejn il-prevenzjoni tal-kanċer, u mhux biss il-kura.

Ilni issa ftit xhur mhux ħażin nitkellem mal-Università ta’ Malta, mal-Fakultà tal-Mediċina u l-Kirurġija, kif ukoll maċ-Ċentru għar-Riċerka fl-Università ta’ Malta stess, biex flimkien mal-Malta Community Chest Fund u għaqdiet oħra, anke internazzjonali, naħdem fuq riċerka u studji relatati mal-kanċer.

Nistqarr li sibt rispons qawwi u f’dan il-mument qegħdin nistennew l-ewwel project briefs miċ-Ċentru tar-Riċerka fl-Università, filwaqt li mal-Fakultà tal-Mediċina u l-Kirurġija, se nwaqqfu working group biex naħdmu flimkien.

Nittama wkoll li fi ftit ġranet oħra nkunu nistgħu nħabbru li wasalna fi ftehim konkret ma’ organizzazzjoni Ingliża li taħdem fil-qasam tat-tfal bil-kanċer.

Fejn tidħol il-prevenzjoni rridu nħarsu lejn l-ambjent naturali tagħna, u l-ambjent psiko-soċjali ta’ pajjiżna.

Għandna ħafna mistoqsijiet x’nistaqsu, u li t-tweġibiet tagħhom jistgħu jgħinu negħlbu l-kanċer.

Meta ngħidu li l-kanċer huwa marbut mal-ambjent ta’ madwarna, irridu nidentifikaw is-sustanzi kimiċi li hawn fl-ambjent ta’ pajjiżna, fit-toroq tagħna, u fuq il-postijiet tax-xogħol tagħna, li jistgħu qed  jikkawżaw din iż-żieda fil-kanċer.

Irrid nistaqsi wkoll dwar jekk il-kanċer huwiex marbut ma’ fatturi psiko-soċjali, x’inhuma dawk il-policies li jridu jinbidlu biex inkunu nistgħu nsalvaw il-ħajjiet tan-nies, billi nnaqsu r-riskju tal-kanċer.

Irridu nistaqsu jekk hux minnu li l-faqar, l-esklużjoni soċjali, in-nuqqas ta’ mpjieg jew edukazzjoni, humiex fatturi wkoll li jgħollu r-riskju tal-kanċer?

Studji bħal dawn nafu li saru lil hinn minn pajjiżna, u r-riżultat kien li, iva, dawn jagħmlu differenza; iżda f’pajjiżna, liema huma dawk l-indikaturi li juru dan, u x’jista’ jsir biex inbiddlu ċ-ċirkostanzi ta’ nies li qegħdin jgħixu fihom?

Qed nagħmel dan l-appell lilkom il-professjonisti, biex, bil-ħiliet tagħkom, nidħlu flimkien f’dan kollu biex nagħmlu d-differenza.

Hija biss meta jkollna l-istampa sħiħa, u korretta, li nistgħu nilħqu l-ogħla livell professjonali u eċċellenti fil-ħidma tagħna biex insalvaw il-ħajja.

Sadanittant, hawn irrid nuri l-apprezzament lejn il-ħidma tant fejjieda tagħkom. 

Naf li dak li tagħmlu mal-pazjenti tagħkom, tagħmluh minn qalbkom u b’imħabba, u, f’isem dawk kollha li jiġu għandkom, nirringrazzjakom minn qalbi.

Bħala Kap tal-Istat Malti, jien inħoss li għandi nagħmel minn kollox biex is-soċjetà Maltija tkompli ssostni lill kull minn imiss mal-marda kiefra tal-kanċer. 

Minbarra x-xogħol tagħkom il-professjonisti, nagħti ħajr ukoll lil numru ta’ għaqdiet mhux governattivi, li jaħdmu favur persuni morda bil-kanċer.

F’pajjiżna għandna mill-anqas 11-il organizzazzjoni bħal dawn, li kollha joffru għajnuna u sapport lin-nies bil-kanċer u l-familji tagħhom.

Ħassejt li kien wasal iż-żmien li l-għaqdiet li jaħdmu f’dan il-qasam jingħaqdu flimkien sabiex jiżguraw li jkun hawn għajnuna sħiħa, kif ukoll servizz olistiku u sostenibbli, għall- pazjenti tal-kanċer u l-familji tagħhom. 

Fil-fatt ilbieraħ nedejna flimkien in-National Cancer Platform.

Din il-platform tagħti spazju lil kull organizazzjoni li, filwaqt li żżomm l-identità tagħha, tgħaqqadhom flimkien biex jikkolaboraw flimkien f’għan wieħed, dak li jgħinu l-pazjenti morda bil-kanċer, u l-familji tagħhom.

Ir-rispons ta’ dawn l-għaqdiet kien mill-isbaħ, u qawwieli qalbi mhux ftit, biex inkompli naħdem biex bħala soċjetà, inkomplu nagħmlu dak kollu possibbli biex intaffu ftit mit-tbatija ta’ nies morda bil-kanċer.

Fuq ix-xewqa tal-organizzazzjonijiet stess, qed isiru diversi inizzjattivi biex jibda jinxtered tagħrif dwar ix-xogħol li jwettqu l-għaqdiet, bħal fuljett ta’ informazzjoni, freephone u Facebook page, fost oħrajn.

Jiena kburija wkoll bl-appoġġ sħiħ tagħkom il-professjonisti, li kull meta għamiltilkom appell, dejjem kontu minn ta’ quddiem biex toffru l-pariri, u l-għajnuna professjonali tagħkom biex insalvaw il-ħajja.

Din il-qalb kbira li qed turu intom, ġejja minn valuri li rawmu fina missirijietna u li għamlu lill-poplu Malti u Għawdxi, dak li hu llum, poplu li jħenn u jagħder, u li lest li jgħin lil kull minn hu vulnerabbli.

Daqstant ieħor jien kburija bil-poplu tagħna, li wkoll, kull meta ersaqt quddiemu biex jagħti l-għajnuna tiegħu, dejjem wera ġenerożità liema bħala.

Hawn inħoss ir-responsabbiltà enormi biex nagħti dejjem valur lill-altruwiżmu li juru niesna, permezz tad-donazzjonijiet u l-għajnuna tagħhom.

Jien inħoss li din is-sinerġija kollha li teżisti f’pajjiżna, fejn kulħadd qed jaħdem flimkien favur dawk kollha li jħabbtu wiċċhom mal-kanċer, tagħmilna poplu uniku u distint, u li se tkompli twassal biex nagħmlu differenza fil-ħajja tan-nies.

Nemmen tassew li jekk ningħaqdu aktar flimkien b’sinerġija nkunu verament nistgħu, bħala pajjiz, nattwaw dak li titlob minna d-Dikjarazzjoni Dinjija kontra l-Kanċer, li naħdmu għal tnaqqis sostanzjali f’ imwiet qabel iż-żmien, minħabba l-kanċer, u jkun hemm dejjem aktar titjib fil-kwalità tal-ħajja tal-poplu kollu.

Flimkien biss nistgħu nilħqu dan l-għan, biex inwettqu dak li tgħid is-slogan tal-Jum Dinji kontra l-kanċer ta’ din is-sena, iġifieri li huwa possibbli li negħlbu din il-marda.

Nawguralkom il-ħidma t-tajba matul dan is-seminar bil-għan ewlieni dejjem ikun li nkomplu niġġieldu flimkien kontra din il-marda kiefra, biex anqas u anqas nies jiġu vittma tagħha, f’pajjiżna.

Awguri minn qalbi.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  L-isport huwa għodda b’saħħitha ħafna fil-ġlieda kontra l-vjolenza domestika – Il-Ministru Rosianne Cutajar

PR262047

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR  Il-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena 2026 jagħti ġieħ lill-ħaddiema Maltin u Għawdxin

PR262046

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow