Left arrow Go Back

ĠIE IMNIEDI L-KARNIVAL T’GĦAWDEX 2015

pr150217
Date Icon 03/02/2015
 “Il-Karnival t’Għawdex huwa avveniment importanti li ta’ kull sena bħal kalamita jiġbed eluf ta’ Maltin u barranin lejn Għawdex,” sostna l-Ministru Anton Refalo waqt konferenza stampa flimkien mas-Segretarju Parlamentari għal Gvern Lokali Stefan Buontempo, fejn tħabbret l-inizjattiva li jmiss fil-programm ta’ attivitajiet f’Għawdex, li hija l-Karnival Reġjonali ta’ Għawdex 2015.

Il-Ministru Anton Refalo sostna kif il-viżjoni għall-Karnival ta’ Għawdex kienet li filwaqt li jkompli jissaħħaħ il-karnival spontanju fin-Nadur, li huwa attrazzjoni għaż-żagħżagħ, jiġu offruti sensiela ta’ attivitajiet li huma mmirati lejn il-familja kollha. Il-Ministru tenna li l-Karnival Reġjonali organizzat fir-Rabat jattira lejh it-tfal u l-familji f’atomsfera ta’ briju u bluha.

Il-Ministru ħabbar kif il-Ġimgħa 13 ta’ Frar ser ikun organizzat il-Karnival tradizzjonali u spontanju fi Pjazza San Ġorġ fir-Rabat. Is-Sibt 14 ta’ Frar filgħodu se jkun hemm il-karnival tat-tfal fi Pjazza San Franġisk, u filgħaxija, qabel il-Karnival spontanju tan-Nadur, ser terġa’ tiġi organizzata parata fi Triq ir-Repubblika. Min-naħa l-oħra, il-Ħadd 15 ta’ Frar, se jiġi organizzat il-Karnival Reġjonali fir-Rabat. Għal din is-sena l-ispettaklu tal-Karnival ser isir fi Triq Fortunato Mizzi minħabba x-xogħol li qed isir fi Pjazza Indipendenza. 

Il-Ministru spjega kif Għawdex lest biex bħalma jiġri ta’ kull sena jilqa’ eluf ta’ Maltin u turisti li jagħżlu lill-gżira għall-festi tal-Karnival. Il-Ministru Anton Refalo rringrazzja lill-ħaddiema kollha tal-Gozo Channel , lill-pulizija u lil Transport Malta li huma kruċjali f’dan it-tmiem il-ġimgħa importanti. Il-Ministru Anton Refalo qal li dawn il-jiem tal-Karnival ser iservu t’okkazjoni biex wieħed jammira x-xogħlijiet ta’ restawr ta’ diversi monumenti, niċeċ reliġjużi u postijiet storiċi li qiegħed jagħmel il-Ministeru għal Għawdex. Propju minn fejn jibda l-Karnival Reġjonali fir-Rabat tista’ titgawda l-Funtana tas-Salib tat-Tiġrija kif ukoll is-Salvatur fi Triq Marsalforn li ġew irrestawrati f’dawn l-aħħar xhur minn Wirt Għawdex.

“Dan huwa Gvern li jippromwovi l-kultura u t-tradizzjonijiet Maltin, Gvern li għalhekk jagħti prijorità lill-għajnuniet li joffri sabiex it-talent Malti jigi dejjem imsaħħaħ b’ għajnuniet diversi”, saħaq is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Dr Stefan Buontempo.

Wara r-rekord ta’ Maltin u barranin li żaru Għawdex fi żmien il-Milied imiss li tingħata għajnuna sabiex il-weekend tal-Karnival 2015 ikun suċċess ukoll. Is-Segretarju Parlamentari Stefan Buontempo qal li dan kollu jissarraf f’injezzjoni ta’ attività għall-industrija turistika Għawdxija li tingħata nifs u sostenn. Huwa għalhekk li l-Ministeru tal-Kultura flimkien mal-Ministeru t’ Għawdex ser ikunu qed jgħinu b’ mod dirett sabiex il-Karnival tar-Rabat u kif ukoll dak spontanju tan-Nadur jerġgħu għal sena oħra jkunu suċċess.
Is-Segretarjat għall-Gvern Lokali se jgħin lill-Kunsilli Lokali tan-Nadur, tax-Xewkija u tax-Xagħra sabiex  ikunu jistgħu jorganizzaw attivitajiet. Dan ser jerġa’ jwassal sabiex eluf ta’ Maltin u barranin iżuru lil Għawdex bejn it-13 u l-15 ta’ Frar.

Dan kollu jkompli jagħti spinta pożittiva lill-industrija Għawdxija.  Il-Gvern huwa impenjat biex f’Għawdex ikun iġġenerat iktar xogħol u  jkun hemm aktar investiment fil-ħaddiema Għawdxin.

Il-Ministru Anton Refalo radd ħajr lid-dilettanti tal-karnival li jaħdmu bla heda u b’mod volontarju tul is-sena kollha u lill-kumitati kollha involuti, kemm dawk ta’ Għawdex kif ukoll ta’ Malta, li għenu biex il-Karnival Reġjonali ta’ Għawdex ikompli jikber. Il-Ministeru għal Għawdex jibqa’ impenjat li jikkordina l-attivitajiet kollha li jsiru fi żmien il-Karnival t’Għawdex biex dan ikun esperjenza  mill-iktar pjaċevoli u mingħajr inkonvenjent minkejja l-eluf kbar ta’nies li jżuru Għawdex.
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  L-isport huwa għodda b’saħħitha ħafna fil-ġlieda kontra l-vjolenza domestika – Il-Ministru Rosianne Cutajar

PR262047

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR  Il-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena 2026 jagħti ġieħ lill-ħaddiema Maltin u Għawdxin

PR262046

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZ...

More Press Releases Right arrow