STQARRIJA TAL-GVERN: STATISTIKA UFFIĊJALI TMERI N-NEGATTIVITA’ TAL-OPPOŻIZZJONI
Stqarrija maħruġa llum mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika turi li, meta mqabbel mal-istess perjodu ta’ sena qabel, fit-tielet kwart tal-2014, il-bejgħ mill-ħwienet żdied b’1%, wara li kien żdied bi 2.5% fit-tieni kwart tal-2014.
Il-bejgħ fis-settur tal-wholesale, li finalment imur għand ħwienet tal-merċa, żdied b’9.9% fit-tielet kwart tas-sena, wara li kien żdied b’4.4% fil-kwart ta’ qabel. Dan ifisser li l-ħwienet tal-merċa qed jixtru ħafna mill-wholesalers, li huwa indikazzjoni li qed ibiegħu iktar mill-istocks li għandhom.
Dawn iċ-ċifri uffiċjali juru li l-analiżi tal-Oppożizzjoni dwar l-ekonomija hija għal kollox ħażina. Fl-24 ta’ Jannar li għadda, l-Viċi Kap tal-Partit fl-Oppożizzjoni sejjaħ għal diskussjoni serja dwar is-sitwazzjoni għaliex, fi kliemu, hemm setturi li qed jiċkienu u l-bejgħ mill-ħwienet qiegħed jonqos.
Huwa ta’ tħassib li, bħalma qed jiġri fl-analiżi tal-andament tal-prezzijiet tal-fjuwil, anke f’dan il-qasam il-kelliema tal-Oppożizzjoni, minflok jużaw figuri uffiċjali, qed jirrikorru għal invenzjonijiet.
L-istatistika uffiċjali turi li l-impjiegi, kemm fis-settur tal-wholesale kif ukoll tar-retail, qed jiżdiedu b’mod kontinwu fl-aħħar 15-il xahar. Barra minn żieda fil-ħaddiema, kien hemm ukoll żieda fl-ammont ta’ siegħat li dawn jaħdmu. Is-salarji tal-ħaddiema f’dawn is-setturi għolew sew, b’żieda ta’ kważi 12% fis-settur tal-wholesale u 1% f’dak tar-retail fuq is-sena ta’ qabel.
Is-settur tas-servizzi ra żieda ta’ 3.2% fil-bejgħ fit-tielet kwart tal-2014. Minbarra r-retail u l-wholesale, kien hemm żidiet fil-bejgħ ta’ vetturi, is-settur turistiku u r-real estate. Kien hemm ukoll żidiet fl-impjiegi tas-servizzi amministrattivi, informatika, kommunikazzjoni u tas-settur tat-trasport.
Fis-settur tas-servizzi, il-pagi żdiedu bi 2.4% fuq is-sena ta’ qabel f’termini nominali. Meta wieħed iqis il-livell baxx ta’ inflazzjoni, dan ifisser li l-ħaddiema spiċċaw b’poter ta’ akkwist 2% aktar għoli mis-sena ta’ qabel.
Dawn ir-riżultati jikkonfermaw il-konklużjonijiet tal-istħarriġ tal-Kummissjoni Ewropea fuq l-ottimiżmu tal-ażjendi f’dan is-settur. Is-settur tas-servizzi għaddej minn perjodu tajjeb ħafna u qed ikompli jkun il-mutur tal-ekonomija Maltija.
Bil-miżuri li qed iwettaq, fosthom ir-roħs fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma u t-tnaqqis fil-prezzijiet tal- fjuwil, il-Gvern huwa fiduċjuż li dan is-settur se jkompli jissaħħaħ u b’hekk ikabbar il-ġid nazzjonali.
Stqarrijiet Oħra:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046