STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-IPPJANAR U S-SIMPLIFIKAZZJONI AMMINISTRATTIVA
Is-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar u s-Simplifikazzjoni Amministrattiva, l-Avukat Michael Falzon, fil-jiem li għaddew ħa sehem fil-Kumitat tal-Politika, is-Sigurtà u d-Drittijiet Umani tal-Assemblea Parlamentari tal-Unjoni għall-Mediterran.
Din il-laqgħa saret f’Barcellona, fi Spanja, nhar il-Ġimgħa 30 ta’ Jannar 2015 u għaliha attendew rappreżentanti mill-pajjiżi tal-Mediterran kif ukoll mill-Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea.
Fl-intervent tiegħu waqt din il-laqgħa, l-Avukat Falzon tkellem fuq żewġ affarijiet illi jolqtu mill-qrib lill-pajjiżna; l-immigrazzjoni irregolari u t-terroriżmu.
Fuq l-immigrazzjoni huwa saħaq li filwaqt li din is-sena pajjiżna kellu koperazzjoni aħjar ma’ pajjiżi tal-Mediterran, b’mod partikolari mal-Italja, xorta waħda għad fadal ħafna xi jsir f’dan il-qasam.
Fir-rigward tat-terroriżmu, l-Avukat Michael Falzon saħaq illi din hi problema li tolqotna lkoll. Huwa hawn ħeġġeġ għal aktar koperazzjoni minn kulħadd filwaqt li appella lill-mexxejja ta’ pajjiżi Iżlamiċi sabiex jiddissassoċjaw irwieħhom minn dawn it-terroristi illi qed jabbużaw mill-Iżlam għall-iskopijiet tagħhom.
Il-laqgħa li jmiss ta’ dan il-Kumitat issa hi mistennija li ssir fi Brussell u dan, bi tħejjija għall-Assemblea Ġenerali li titlaqqa’ kull sentejn.
Stqarrijiet Oħra:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046