NIMMASSIMIZZAW ID-DEHRA TA’ PAJJIŻNA META MALTA SER TIPPRESJEDI FUQ IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA
pr150204
02/02/2015
Dalgħodu, is-Segretarju Parlamentari għall-Presidenza tal-UE 2017 u l-fondi tal-UE Ian Borg, nieda l-proċess sabiex jiġi ddisinjat il-logo tal-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea li se tospita Malta fl-2017. Dan l-inkarigu ngħata lill-grupp ta’ studenti tal-Graphic Design li jattendu l-Istut tal-Arti u Disinn tal-MCAST f’Tarġa Gap, il-Mosta.
Fil-preżenza tal-Prinċipal tal-MCAST, is-Sur Stephen Cachia u d-Direttur tal-Istut tal-Arti u Disinn, is-Sur Stephen Vella, is-Segretarju Parlamentari Ian Borg indirizza lill-istudenti u spjega xi tfisser il-Presidenza tal-Kunsill waqt li tkellem dwar l-importanza u l-obbligi li ġġib magħha. Tenna wkoll li l-Presidenza toffri numru ta’ opportunitajiet għal Malta kif ukoll għaċ-ċittadini tagħha, fosthom din l-opportunità li qed tingħata lill-istudenti sabiex juru l-ħiliet tagħhom.
Dr Borg kompla jgħid li se jkunu diversi l-avvenimenti importanti li Malta u l-poplu tagħha se jesperjenza fix-xhur u s-snin li ġejjin. Għaldaqstant huwa kruċjali li din id-dehra ta’ Malta madwar l-Ewropa kollha tkun waħda kkoordinata flimkien ma’ dawk kollha li b’xi mod jew ieħor jippromwovu lil pajjiżna. Fid-dawl ta’ dan kollu, entitajiet oħrajn bħal Malta Tourism Authority kif ukoll Malta Enterprise se jkunu qed jiġu kkonsultati dwar dan il-proċess ukoll.
Is-Segretarju Parlamentari tenna wkoll li, dan l-eżerċizzju, huwa ħolqa minn katina ta’ inizjattivi sabiex matul ix-xhur li ġejjin, jiżdied l-għarfien fis-soċjetà fuq l-irwol ta’ Malta matul il-Presidenza, liemaPresidenza se tkun magħmula minn Trio ta’ 18-il xahar li tingħata bidu f’Jannar li ġej bl-Olanda u s-Slovakkja jippresjedu fl-2016.
L-uffiċjali Maltin se jkunu mistennija li jmexxu aktar minn 120 kumitat ta’ ħidma fi Brussell li jfisser madwar 1,500 laqgħa uffiċjali. Apparti dan, għexieren ta’ laqgħat oħra se jinżammu fuq livell informali f’pajjiżna. Il-qofol tal-ħidma minn dawn il-kumitati twassal għal laqgħat tal-Ministri fid-diversi formazzjonijiet tal-Kunsill.
Preżenti għal din l-okkażjoni kien hemm ukoll id-Direttur Eżekuttiv tal-Media u Marketing tal-Presidenza tal-UE 2017, Charles Mizzi, li qed jikkoordina l-proġett.
Stqarrijiet Oħra:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046