STQARRIJA TAL-GVERN: GĦAR-RABA’ XAHAR KONSEKUTTIV MALTA BL-ANQAS RATA TA’ QGĦAD FL-ISTORJA
Analiżi tal-istatistika maħruġa din il-ġimgħa mill-Kummissjoni Ewropea turi li pajjiżna, wara li għalaq is-sena 2014 bir-rata tal-qgħad ta’ 5.8%, issa ilu erba’ xhur jirreġistra din l-inqas rata mindu l-Eurostat bdiet tiġbor din l-istatistika għal Malta. Ir-rata tal-qgħad ta’ 5.8% hija wkoll it-tielet l-iktar baxxa fl-Ewropa, wara l-Ġermanja u l-Awstrija.
Dan ir-riżultat ifisser titjib sostanzjali mir-rata ta’ qgħad ta’ 6.3% li pajjiżna kellu fil-bidu ta’ Marzu 2013. Skont il-Eurostat, ir-rata ta’ qgħad f’Malta bħala medja taħt l-amministrazzjoni li għaddiet kienet ta’ 6.5%. Dan ifisser li llum hawn differenza ta’ aktar minn elf ruħ inqas qiegħda mill-medja osservata taħt Gvern preċedenti.
Iċ-ċifri tal-Kummissjoni Ewropea juru li, bħala medja, matul l-2014 Malta kellha rata ta’ qgħad ta’ 5.9%. Din hija l-inqas rata ta’ qgħad annwali qatt irreġistrata mill-Eurostat u tpoġġi lil Malta bħala l-pajjiż bit-tielet l-inqas rata ta’ qgħad fl-Unjoni Ewropea. Qabel faqqgħet il-kriżi internazzjonli fl-2008, pajjiżna kien fit-tlettax-il post madwar l-Ewropa.
Is-sena li għaddiet ir-rata ta’ qgħad f’Malta naqqset b’0.5% kontra tnaqqis ta’ 0.4% reġistrat fiż-żona ewro. Dan ifisser li d-distakk bejn il-qgħad f’Malta u l-qgħad fil-pajjiżi l-oħra tal-unjoni monetarja kompla jiżdied. Anke dwar il-qgħad fost il-żgħażagħ, Malta għamlet progress tant li issa tinsab fil-ħames post fil-klassifika Ewropea, b’rata ta’ 13.2% kontra t-23% fiż-żona ewro.
Ir-riżultati miksuba jikkuntrastaw mat-tbassir tal-Kap tal-Oppożizzjoni li l-qgħad f’Malta kien se jaqbeż sew is-7%. Dan ifisser żball ta’ aktar minn elfejn ruħ.
Il-Gvern huwa ottimist li dawn ix-xejriet pożittivi se jkomplu matul l-2015 permezz tal-miżuri bħall-garanzija għaż-żgħażagħ, is-servizz ta’ childcare b’xejn għal kulħadd u l-investiment fit-taħriġ, li joħolqu l-opportunitajiet u jnaqqsu d-dipendenzi.
Other Press Releases:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046