MALTA TISTUDJA L-POSSIBILITÀ TA’ SUBMARINE CABLE ĠDID BEJN MALTA U L-EWROPA
Aktar kmieni llum, fil-bini tal-Awtorità ta’ Malta dwar il-Komunikazzjoni – MCA, is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kompetittività u t-Tkabbir Ekonomiku, José Herrera nieda sejħa biex ikun jista’ jsir studju dwar il-fattibilità teknika, ekonomika u finanzjarja ta’ submarine cable ġdid bejn Malta u postijiet alternattivi oħrajn fil-kontinent Ewropew. Permezz ta’ dan l-istudju, li ser isir b’fondi Ewropej, il-Gvern ser ikun qed iwettaq waħda mill-miżuri mħabbrin fl-aħħar budget.
Ekonomiji moderni huma dipendenti fuq bandwidth ta’ kwalità għolja u konnettività aktar globali. “Malta bħala hub tal-industrija tas-servizzi hija fid-dmir li tkompli tinvesti f’teknologija aktar b’saħħitha. Huwa b’dan il-mod li nistgħu nkomplu nikbru ekonomikament,” tenna s-Segretarju Parlamentari.
Il-konettività ta’ Malta bħalissa tiddependi biss minn Sqallija. B’dan l-istudju, il-Gvern tramite l-MCA ser ikun qed jistudja l-possibilità li jinvesti f’submarine cable link ieħor ma’ parti oħra mill-Ewropa biex b’hekk insaħħu l-infrastruttura teknoloġika preżenti, bi prezzijiet aktar kompetittivi. B’investiment ta’ dan it-tip Malta ser tkun ukoll f’qagħda tajba li ttejjeb il-pożizzjoni tagħha bħala ċentru tal-ICT.
“Dak li qed nagħmlu llum huwa l-bidu biex nibdew inwettqu waħda mill-wegħdiet fil-budget ta’ din is-sena. Is-suċċess ta’ Malta fis-setturi tal-ICT u tal-egaming huma primarjament attribwiti għal numru ta’ fatturi favorevoli li jinkludu netwerks tal-komunikazzjoni li huma effettivi, robusti u ta’ kwalità għolja. Malta trid tkompli tinvesti f’infrastruttura teknoloġika aktar b’saħħitha ħalli b’hekk tkun tista’ tiġbed lejha niċeċ ġodda ta’ servizzi.
Is-Segretarju Parlamentari José Herrera qal li dan l-istudju huwa milestone importanti oħra għal pajjiżna għaliex permezz tiegħu nistgħu nkunu aktar kompetittivi f’dinja globalizzata bbażata fuq it-teknoloġija u l-ICT.
Stqarrijiet Oħra:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046