Left arrow Mur Lura

FIS-SENA 2014 INQABEŻ KULL REKORD TA’ KULL ŻMIEN FIS-SETTUR TAT-TURIŻMU

pr150186
Date Icon 30/01/2015

Aktar minn 66, 000 turist żaru Malta f’Diċembru li għadda.  Dan ifisser li x-xahar ta’ Diċembru reġa’ kien wieħed rekord fit-turiżmu, u dan mhux biss fl-ammont ta’ turisti li waslu imma wkoll fin-numru ta’ ljieli mqattgħin u kif ukoll fl-infiq. Ta’ min jinnota wkoll b’sodisfazzjon it-tkabbir ta’ aktar minn 36% fin-numru ta’ turisti Ġermaniżi li żaru Malta f’Diċembru li għadda meta mqabbel ma’ Diċembru 2013.

Dan ir-riżultat miksub f’Diċembru jikkumplimenta r-riżultati miksuba xahar wara xahar matul is-sena kollha. Fis-sena 2014 esperjenzajna tkabbir ta’ kważi 8% fl-ammont ta’ turisti li żaru Malta fuq dak reġistrat fl-2013, hekk kif inqabżet iċ-ċifra ta’ 1.7 miljun turist. Aktar minn 13.5 miljun lejl ġew reġistrati filwaqt li l-infiq turistiku laħaq il-figura ta’ €1.5 biljun, fejn kellna tkabbir ta’ aktar minn 6% fuq is-sena 2013.

Il-Ministru għat-Turiżmu, Dr. Edward Żammit Lewis b’sodisfazzjon jgħid li s-sena 2014 kienet sena oħra eċċezzjonali għat-turiżmu f’pajjiżna. Kellna żieda ta’ aktar minn 123,000 turist fuq l-2013 li ħallew kważi €88.4 miljun aktar fl-ekonomija Maltija.  Ta’ min jinnota li l-akbar tkabbir fin-numru ta’wasliet wasal mis-suq Amerikan, fejn dan is-suq kiber bi 15%.

Il-Ministru Żammit Lewis jaċċenna li b’dawn ir-riżultati miksubin minn pajjiżna fis-settur tat-turiżmu, jikkonferma kemm Malta qed tkun fuq quddiem nett meta kkomparata ma pajjiżi oħra Ewropej u saħansitra madwar id-dinja.  Dan kollu jiġi kkonfermat minn żewġ stqarrijiet li ħarġu aktar kmieni din il-ġimgħa mill-World Tourism Organisation u mill-Eurostat rispettivament.

Skont l-aħħar World Tourism Barometer li analizza it-turiżmu globali fis-sena 2014, insibu li ż-żieda fit-turiżmu globali kien ta’ 4.7%. Malta rreġistrat żieda ta’ kważi 8%, li anki tisboq iż-żieda medja rreġistrata fil-pajjiżi Mediterranji.

Fl-istqarrija tal-Eurostat insibu li fl-iljieli mqattgħin minn turisti f’akkomodazzjonijiet kollettivi, pajjiżna rreġistra żieda ta’ aktar minn 50% fuq it-tkabbir medju tal-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea. Malta kellha l-ħdax l-akbar tkabbir fost it-28 pajjiż tal-UE fl-iljieli mqattgħin minn turisti f’akkomodazzjonijiet kollettivi.

Dawn ir-riżultati jikkonfermaw li l-politika tal-Gvern għat-turiżmu qegħda fid-direzzjoni t-tajba.  Il-gvern huwa kommess li jissokta b’ħidmietu għal aktar suċċess fit-turiżmu u aktar riżultati pożittivi, mhux biss fl-ammont ta’ turisti imma wkoll billi jkompli jaħdem biex jitjieb il-prodott turistiku li bih tiġbed aktar turisti ta’ kwalità li jħallu aktar ġid fl-ekonomija Maltija, temm jgħid il-Ministru Dr. Edward Żammit Lewis.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  L-isport huwa għodda b’saħħitha ħafna fil-ġlieda kontra l-vjolenza domestika – Il-Ministru Rosianne Cutajar

PR262047

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR  Il-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena 2026 jagħti ġieħ lill-ħaddiema Maltin u Għawdxin

PR262046

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow