STQARRIJA TAL-GVERN: MALTA TIBQA’ BL-AQWA LIVELL TA’ OTTIMIŻMU EKONOMIKU FIŻ-ŻONA EWRO
Għat-tmin xahar konsekuttiv, pajjiżna kellu l-aqwa livell ta’ ottimiżmu fost il-pajjiżi kollha taż-żona Ewro. L-istħarriġ tal-Kummissjoni Ewropea, li jsir fost l-azjendi u l-konsumaturi, wera kif f’Jannar 2015 l-indiċi tas-sentiment ekonomiku laħaq il-livell ta’ 114.7, kważi 15% aktar mill-medja reġistrata kemm ilu jiġi mkejjel dan l-indikatur.
Il-livell ta’ ottimiżmu f’pajjiżna huwa mifrux, tista’ tgħid, fost is-setturi kollha. F’Jannar kien hemm titjib fil-kunfidenza fost azjendi li joperaw fis-servizzi, kif ukoll fost dawk fl-industrija. F’dawn iż-żewġ setturi kien hemm titjib fid-domanda li wassal għal żieda fl-impjiegi. Anke is-settur tar-retail u tal-kostruzzjoni wera titjib sostanzjali, tant li maġġoranza ta’ intrapriżi indikaw li jinsabu għaddejjin minn żminijiet tajbin.
Dan kien l-ewwel stħarriġ f’diversi snin li fih kull settur kien ottimist fuq l-andament ekonomiku. Fost oħrajn l-ottimiżmu fis-settur tal-kostruzzjoni huwa fl-aqwa livell mindu beda jsir dan l-istudju. L-istess jista’ jingħad għall-operaturi fis-settur tar-retail.
L-ottimiżmu fost l-azjendi qed jiġi rifless ukoll f’aktar kunfidenza fost il-konsumaturi Maltin u Għawdxin. Fil-fatt, skont il-Kummissjoni Ewropea, il-familji f’pajjiżna huma fost il-ftit madwar l-Ewropa li qed isostnu li s-sitwazzjoni finanzjarja tagħħhom tjiebet fis-sena ta’ qabel. Dan huwa anke kkonfermat minn statistika tal-Bank Ċentrali li tindika li, fl-aħħar sena, id-depożiti mal-banek lokali tal-familji Maltin u Għawdxin żdiedu b’€750 miljun, kważi 75% aktar miż-żieda reġistrata fl-aħħar sena tal-amministrazzjoni preċedenti.
L-istħarriġ tal-Kummissjoni Ewropea jindika li l-familji f’pajjiżna jaħsbu li t-titjib fis-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom se jkompli din is-sena. Hemm ukoll sentiment pożittiv dwar it-tkabbir ekonomiku ċar li seħħ f’pajjiżna u fiduċja qawwija li l-qgħad f’Malta se jkompli jonqos.
Il-Gvern jilqa’ dawn ir-riżultati li jikkonfermaw l-arja ta’ ottimiżmu li hawn bħalissa f’pajjiżna. Bil-miżuri li se jitwettqu din is-sena, u bid-dinamiżmu tal-familji u l-azjendi, il-Gvern huwa kunfidenti li l-potenzjal ekonomiku ta’ Malta se jkompli jissaħħaħ u jilħaq l-aħjar livelli li qatt kien fihom fl-aħħar snin.
Stqarrijiet Oħra:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046