STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN
Il-Gvern Malti sa mill-bidu nett baqa’ isegwi l-isforzi li qed jagħmel il-Mibgħut Speċjali tal-Ġnus Maqgħuda Bernardino Leon biex jiġbor flimkien il-forzi kollha: dawk politiċi, is-soċjetà ċivili, kif ukoll fazzjonijiet militari Libjani, madwar l-istess mejda, biex permezz ta’ djalogu jaslu biex jinħoloq ftehim li bih jitwaqqaf il-ġlied, jinħoloq gvern proviżorju nazzjonali u tinfetaħ it-triq għar-rikonċiljazzjoni fil-pajjiż għat-twettieq tal-paċi u sigurtà nazzjonali.
Il-Gvern Malti jifraħ lil Bernardino Leon għall-isforz kontinwu biex jilħaq dan il-għan, u jinnota b’sodisfazzjon li bil-mod il-mod, dan id-djalogu jidher li qed jissaħħaħ u jirnexxi. Minkejja li huma ħafna dawk li qed jipparteċipaw f’dan id-djalogu, li jkopru oqsma differenti tal-ħajja Libjana u reġjuni differenti tal-Libja, għad jonqos il-kontribut importanti u determinanti li jista’ jingħata lil dan id-djalogu mill-awtoritajiet li jirrappreżentaw il-“Kungress Nazzjonali” ta’ Tripli.
Jidher li l-isforzi ta’ Bernardino Leon għalissa ma rnexxilhomx jikkonvinċu lil dawn ir-rappreżentanti għal għadd ta’ raġunijiet, fosthom dwar min għandu jkun preżenti fil-laqgħat, x’rikonoxximent għandu jkollhom ċertu rappreżentanti u anke dwar il-post fejn għandhom isiru l-laqgħat.
Il-Gvern Malti japprezza d-diffikultajiet li kellhom jintgħelbu biex saru tliet laqgħat, waħda fil-Libja u tnejn oħra f’Ġinevra u jifhem is-sinifikat ta’ kull avanz, żgħir kemm hu żgħir, fil-ħolqien ta’ djalogu li jsir f’atmosfera pożittiva u b’intenzjonijiet tajba.
Il-Gvern Malti jemmen li għal-Libja m’hemmx triq oħra ħlief dik ta’ djalogu u għalhekk, filwaqt li jifraħ lil dawk ir-rappreżentanti kollha li pparteċipaw u dawk l-awtoritajiet kollha li bagħtu rappreżentant tagħhom, iħeġġeġ l-awtoritajiet ta’ Tripli biex jegħlbu d-diffikultajiet li qed isibu u jingħaqdu f’dan id-djalogu, li jista’ ikun hu biss iċ-ċavetta għall-paċi u s-sigurtà fil-Libja.
Filwaqt li jinnota li kien hemm qbil dwar il-prinċipju li jsiru sessjonijiet ta’ djalogu fil-Libja jekk ikun hemm il-kundizzjonijiet loġistici u ta’ sigurtà meħtiega, il-Gvern Malti, bl-intenzjoni li jara l-pajjiż ġar jakkwista lura l-istabbilità, paċi u prosperità, itenni l-offerta tiegħu li lest joffri dawk is-servizzi kollha u l-faċilitajiet kollha possibbli li għandu għad-dispożizzjoni tiegħu lil Bernardino Leon u lill-parteċipanti preżenti u prospettivi biex jgħin jiffaċilita dan id-djalogu.
Il-Gvern Malti jifhem li r-riżorsi ta’ pajjiżna huma limitati, imma kull servizz li lest joffri għal dan il-għan huwa ġenwin, bi skop paċifiku, u b’rispett sħiħ lejn kull rappreżentant, jiġi minn fejn jiġi, li jiddeċiedi li jipparteċipa f’dan id-djalogu.
Il-Gvern Malti huwa dispost, kif dejjem kien, li flimkien mal-atturi prospettivi kollha, jiddiskuti fejn jista’ jgħin u sa fejn jista’ jkun ta’ għajnuna għall-kisba tal-paċi fil-Libja.
Stqarrijiet Oħra:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046