Left arrow Go Back

IMNEDIJA TLIET SKEMI MINN AĠENZIJA ŻGĦAŻAGĦ, FI SPAZJU TA’ ĠIMGĦA

pr150161
Date Icon 28/01/2015

“Ninvestu fiż-żgħażagħ tagħna għaliex dawn huma l-futur ta’ pajjiżna”. Dan qalu llum is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport, Chris Agius waqt li żar Giovanni Curmi Higher Secondary Schools tan-Naxxar, bl-għan li jniedi għat-tieni sena l-iskemi A4U u Be Active. Is-Segretarju Parlamentari kompla jgħid li l-Gvern huwa kommess li b’mod innovattiv joħloq aktar skemi, u inizjattivi ġodda li jgħinu liż-żgħażagħ itejbu l-ħiliet tagħhom, kemm permezz ta’ sehem dirett u kemm permezz tal-NGOs li jaħdmu maż-żgħażagħ.   

L-iskema A4U tipprovdi għajnuna finanzjarja, sabiex l-organizazzjonijiet taż-żgħażagħ itejbu l-operat tagħhom. Il-gruppi taż-żgħażagħ jistgħu jtejbu l-ħiliet tal-membri permezz ta’ taħriġ jew inkella billi jinvestu f’għodda li minnha jibbenefika l-grupp. L-iskema Be Active tagħti għajnuna finanzjarja sabiex jiġu implimentati proġetti u inizjattivi relatati ma’ diversi temi. Iż-żewġ skemi huma maħsuba li jassistu lill-NGOs Maltin.

Matul is-sena li għaddiet kienu qrib mija l-attivitajiet li bbenefikaw minn dawn iż-żewġ skemi.  Huwa stmat li madwar 16,000 żagħżugħ u żagħżugħa, matul is-sena li għaddiet, kienu involuti direttament jew ibbenefikaw minn proġetti taħt dawn l-iskemi msemmija. Dan qalitu l-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Żgħażagħ, Miriam Teuma, waqt it-tnedija ta’ dawn iż-żewġ skemi fil-Youth Hub ta’ Giovanni Curmi Higher Secondary School. Dan huwa t-tielet Youth Hub li Aġenzija Żgħażagħ fetħet f’pajjiżna. Il-Youth Hub iservi sabiex l-istudenti jiltaqgħu flimkien lil hinn mill-ħin  tal-lezzjonijiet.  Kull Youth Hub joffri wkoll is-servizzi ta’ Youth Worker li jgħin u jgħallem liż-żgħażagħ b’mod informali.

Intant aktar kmieni din il-ġimgħa, bdew jintlaqgħu l-applikazzjonijiet għall-iskema ‘It-Taħriġ Mużikali taż-Żgħażagħ fil-Każini tal-Banda’ li wkoll nediet Aġenzija Żgħażagħ bil-kollaborazzjoni tal-Għaqda Każini tal-Banda.  L-iskema hi mmirata lejn il-każini li joħolqu proġetti li bihom itejbu u jħajru aktar żgħażagħ sabiex jibdew jitgħallmu xi strument tal-banda.

Aktar dettalji jinstabu fuq is-sit ta’ Aġenzija Żgħażagħ: http://www.agenzijazghazagh.gov.mt/

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  L-isport huwa għodda b’saħħitha ħafna fil-ġlieda kontra l-vjolenza domestika – Il-Ministru Rosianne Cutajar

PR262047

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR  Il-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena 2026 jagħti ġieħ lill-ħaddiema Maltin u Għawdxin

PR262046

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZ...

More Press Releases Right arrow