MALTA, TENERIFE U SAN MARINO JIFFIRMAW FTEHIM TA' KOMUNIKAZZJONI BEJNIETHOM
Fis-sigħat li għaddew is-Segretarju Parlamentari Dr José Herrera kompla bl-impenji tiegħu barra mill-pajjiż, din id-darba f'Tenerife fi Spanja, li hija l-akbar gżira mill-arċipelagu ta' seba’ gżejjer, fil-Gżejjer Kanarja.
Matul din iż-żjara huwa ffirma ftehim ta' komunikazzjoni u ICT bejn Malta, Tenerife u San Marino. Permezz ta’ dan il-ftehim, it-tliet gvernijiet qed jaqblu li jidħlu fi skambji ta' komunikazzjoni biex jikber l-għarfien bejn it-tliet pajjiżi. Il-ftehim, li għandu wkoll il-patronċinju ta’ kumitat imqabbad mill-UNESCO biex jieħu ħsieb il-patrimonju mhux materjali (immaterial heritage) jaħseb ukoll fi skambji t'għarfien industrijali, kulturali u/jew turistiċi.
F'kummenti li ta lill-mezzi tax-xandir hawn fil-Gżejjer Kanarja, is-Segretarju Parlamentari qal li Malta qed tħares 'il quddiem biex permezz ta' dan il-ftehim ikompli jikber l-għarfien dwar l-opportunitajiet li jeżistu f'pajjiżna. Fakkar li l-Unjoni Ewropea qed tpoġġi miri speċifiċi fil-komunikazzjoni u l-ICT li jridu jintlaħqu sas-sena 2020. Il-ftehim bejn dawn it-tliet pajjiżi jaħseb ukoll biex dak li s’issa għadu ma ntlaħaqx fuq livell Ewropew jintlaħaq fuq livell reġjonali/nazzjonali fosthom bl-użu ta' clouds u tixrid ieħor ta' data u informazzjoni.
Għal dan il-għan is-Segretarju Parlamentari ħabbar biex taħt il-kappa tal-MITA u l-MCA, żewġ entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu u li t-tnejn li huma msieħba ewlenin fl-istrateġija diġitali ta' pajjiżna, huwa ser jagħmel sejħa lill-universitajiet, istituzzjonijiet ta' ICT u gruppi oħra / individwi f'pajjiżna, biex jissieħbu f'dan il-proġett ħalli permezz tiegħu jiġu skambjati ideat ta' informazzjoni/esperjenzi diġitali ma' pajjiżi oħra barra minn Malta. Qal li llum il-persuna diġitali hija t-tielet forma ta' persuna li pajjiżna qed jaħseb li jkabbar f'sens ta' għarfien, drittijiet u dmirijiet.
Dan kollu, tenna is-Segretarju Parlamentari, ser ikun qed isir biex jikber l-għarfien dwar il-potenzjal ta' pajjiżna, fosthom bħala hub fl-industrija tas-servizzi.
Matul iż-żjara tiegħu fil-Gżejjer Kanarja, is-Segretarju Parlamentari żar il-kumpless ITER, l-Istitut tal-Gvern tal-Kanarja nkarigat mit-Teknoloġija u l-Enerġija Rinovabbli. Fost il-proġetti li ħadem u qed jaħdem fuqhom dan l-istitut hemm is-sub marine cable link ma' partijiet differenti tal-Ewropa, l-Afrika u l-Amerika, kien ukoll it-tixrid tal-Internet permezz tal-fibre fid-djar tan-nies imxerrda mal-pajjiż kollu. Qal li proġett ta' dan it-tip, magħruf f'pajjiżna bħala l-fibre-to-the-home, huwa proġett ambizzjuż li Malta qed tħares 'il quddiem li tagħmel u tinvesti biex tieħu 'l quddiem l-industrija tat-tixrid tal-informazzjoni teknoloġika permezz ta' veloċità għolja ħafna ta' Internet.
Il-ftehim li Malta, tramite s-Segretarju Parlamentari Dr José Herrera, iffirmat flimkien ma' San Marino u Tenerife jaħseb ukoll f'għadd ta' miri li n-Nazzjonijiet Uniti qed ipoġġu fuq il-pajjiżi għas-sena 2015 - 2030. Il-Proġett "Min qal li Aħna Iżolati" jaħseb ukoll f'għadd ta' opportunitajiet għall-pajjiżi bħal Malta li tqis id-daqs ġeografiku tagħha bħala opportunità u mhux defiċjenza. It-tliet pajjiżi ser ikunu qed jaħdmu fuq mezzi ġodda ta' komunikazzjoni, li l-Unjoni Ewropea stess qed tinkoraġixxi fuq livell Ewropew bejn il-pajjiżi membri fi ħdanha. Apparti l-patronċinju tal-UNESCO, il-proġett għandu wkoll is-sostenn tekniku/akkademiku ta' universitajiet oħra li jispeċjalizzaw fil-komunikazzjoni u l-ICT bħal dik ta' Laguna fi Spanja (ULL - Universidad de la Laguna).
Il-proġett, qal is-Segretarju Parlamentari, ser ikun qed jaħseb li jagħmel sejħa wkoll lill-Għaqdiet Mhux Governattivi sabiex huma wkoll jissieħbu f'dan il-mezz ġdid u innovativ ta' komunikazzjoni bejn it-tliet pajjiżi.
Matul iż-żjara tiegħu fi Spanja s-Segretarju Parlamentari kien il-mistieden tal-President ta' Tenerife Carlos Alonso Rodriguez u fost l-oħrajn huwa żar għadd ta' proġetti li qed jaħdem fuqhom il-pajjiż bħal dawk marittimi. Tenerife, li hija l-ikbar gżira mill-Gżejjer tal-Kanarja, tinsab fil-qalba loġistika ta' bejn il-kontinenti Afrikan, Ewropew u Amerikan.
F'Tenerife fi Spanja, is-Segretarju Parlamentari kien akkumpanjat mis-Segretarju Privat tiegħu Charlon Gouder.
Stqarrijiet Oħra:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046