IL-WASTESERV TIFTAĦ AKKADEMJA GĦAT-TAĦRIĠ: PASS IEĦOR IMPORTANTI FIR-RISTRUTTURAR U TISĦIĦ TAL-KUMPANIJA – IL-MINISTRU LEO BRINCAT
Il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima Leo Brincat sejjaħ il-ftuħ ta’ akkademja għat-taħriġ tal-WasteServ bħala pass ieħor importanti fir-ristrutturar u t-tisħiħ tal-kumpanija li jagħti xhieda ċara tal-impenn tat-tmexxija tal-kumpanija biex din tkompli miexja fid-direzzjoni t-tajba.
Issa li ġie konkluż il-ftehim kollettiv tal-ħaddiema dan il-pass jista’ saħansitra jibda minnufih fuq sisien sodi.
Il-Ministru kompla li l-ħsieb ewlieni tal-Akkademja huwa li din tikkollabora f’mod proattiv ma’ istituzzjonijiet lokali u barranin akkreditati fit-taħriġ, fosthom l-ETC u ċ- Chartered Institution of Waste Management. It-tir prinċipali tal-akkademja huwa li jgħin lil dawk li qed jaħdmu mal-WasteServ biex jibbenefikaw minn ftehim ta’ taħriġ u sponsorship li jkun jista’ jiffaċilita l-iżvilupp kontinwu tal-karrieri tagħhom.
Il-Ministru ħabbar li fil-bidu tax-xahar id-dieħel sejra ssir sejħa għal dawk il-ħaddiema kollha li jistgħu jkunu interessati li jintgħażlu fost ir-rappreżentanti tal-kumpanija fejn għandu x’jaqsam il-Health and Safety. Min jintgħażel ser jingħata t-taħriġ speċifiku meħtieġ sabiex ikun jista’ jaqdi dmiru bl-aktar mod effettiv.
Huwa qal li l-istess kif il-ħaddiema tal-WasteServ ġewwa Malta ħadu l-vaċċinazzjoni meħtieġa minħabba l-perikli tal-impjieg tagħhom, l-istess ser isir mal-ħaddiema li jaħdmu fl-impjanti tal-kumpanija ġewwa Għawdex ix-xahar id-dieħel.
Il-Ministru Brincat filwaqt li radd ħajr lit-top management tal-kumpanija u lid-diretturi għall-ħidma tagħhom, qal li dan kollu mhuwiex xi pass iżolat iżda parti minn proċess kontinwu li mistenni jibqa’ għaddej u jirranka fix-xhur li ġejjin.
Waqt iċ-ċerimonja tal-ftuħ taċ-Ċentru tal-Akkademja tat-Taħriġ, iċ-Chairman David Borg u l-Kap Eżekuttiv Tonio Montebello tkellmu dwar l-impenn tal-kumpanija biex jitjiebu l-proċessi operattivi u tiżdied l-effiċjenza. Għaldaqstant dan iċ-Ċentru ser iservi biex itejjeb il-ħiliet tal-ħaddiema, sabiex jilħqu dan il-għan.
Other Press Releases:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046