RISPONS QAWWI GĦAL TITJIB FL-ATT LI JIRREGOLA L-PATRIMONJU KULTURALI
Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, Owen Bonnici, dalgħodu għalaq il-proċess ta’ konsultazzjoni li għandu jwassal għal pakkett ta’ emendi għall-immodernizzar u titjib fl-Att li jirregola l-wirt kulturali permezz ta’ Forum Nazzjonali li jiġbor fih l-istakeholders u l-entitajiet ewlenin fis-settur tal-patrimonju Malti u Għawdxi.
B’kollox ġew ippreżentati 102 sottomissjoni f’dan il-proċess ta’ konsultazzjoni, fosthom proposta interessanti li tirrigwardja l-użu tal-lingwa Maltija fil-pannelli tal-interpretazzjoni meta jsiru attivitajiet pubbliċi u proposta oħra dwar kif il-gvern jista’ jinċentiva interess akbar f’dan is-settur permezz ta’ inċentivi fiskali.
Il-Ministru Owen Bonnici, fl-intervent li għamel waqt il-Forum Nazzjonali, spjega li l-ewwel pass importanti dwar dan l-att kien ittieħed fl-2002 meta ġiet maħluqa liġi moderna dwar il-wirt kulturali. Huwa stqarr li din il-liġi kienet importanti għaliex ħolqot entitajiet aktar iffukati fosthom is-Sovrantendenza li hija regolatur tal-wirt kulturali.
Il-Ministru sostna li minn dak iż-żmien ’l hawn saru diversi modifiki fil-liġi, iżda spjega li l-akbar intervent li kellu jintroduċi tibdiliet sostanzjali f’dan il-qasam kien sar fl-2005 bis-saħħa tal-Att XII tal-2005. Biss dan l-Att, għalkemm għadda mill-Parlament għaxar snin ilu, baqa’ qatt ma daħal fis-seħħ.
“Illum għaxar snin wara ser inkunu qed nirrevedu dawk il-fatturi meqjusa l-aktar importanti u ssuġġeruti mill-istakeholders varji li jeżistu f’dan is-settur,” qal Dr Bonnici.
Il-Ministru Owen Bonnici sostna wkoll li dan is-settur hu kruċjali għal ekonomija kreattiva u saħaq li hemm bżonn kontinwu għal sinerġiji effiċjenti bejn l-oqsma differenti.
“Il-mira dejjem għandha tkun li nagħmlu lil Malta bħala ċentru ta’ eċċellenza f’dak li jirrigwarda l-wirt kulturali,” temm jgħid Dr Bonnici.
Stqarrijiet Oħra:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046