DISKORS TAL-GĦELUQ TAL-MINISTRU GĦAT-TURIŻMU DR EDWARD ZAMMIT LEWIS WAQT IL-KONSULTAZZJONI PUBBLIKA DWAR L-ABBOZZ TAL-POLITIKA NAZZJONALI GĦAT-TURIŻMU 2015-2020
Din il-Politika hija l-ixprun li jiftaħ il-bibien għal numru kbir ta’ inizjattivi ġodda li jridu jsegwu immedjatament wara.
Nixtieq nibda dawn il-kelmtejn tal-għeluq billi l-ewwelnett nirringrazzjakom tal-preżenza tagħkom dalgħodu għal din il-preżentazzjoni u diskussjoni fuq l-Abbozz tal-Politika Nazzjonali tat-Turiżmu li bħalissa għaddej minn fażi ta’ konsultazzjoni pubblika.
Huwa b’sens ta’ unur u privileġġ iżda wkoll b’sens umli ta’ responsabbiltà li nagħraf l-importanza ta’ opportunità li wieħed jirrevedi u jaġġorna l-Politika Nazzjonali ta’ industrija daqstant importanti għalina bħat-turiżmu. Industrija li mhux biss tiġġenera madwar tletin fil-mija tal-Prodott Gross Domestiku tagħna, iżda tiġġenera impjiegi għal eluf ta’ nies, dħul ta’ miljuni ta’ Ewro lill-Gvern sabiex ikun jista’ jerga’ jirrinvestihom għall-ġid tal-poplu Malti u Għawdxi kif ukoll ritorn adegwat fuq l-investiment lin-negozjanti u operaturi li jaħdmu f’dan il-qasam.
Kulħadd jagħraf l-importanza kbira tat-turiżmu għall-ekonomija tal-gżejjer tagħna. Iżda li wiehed jagħraf l-importanza mhux biżżejjed. L-għarfien waħdu ma jgħinniex nippreparaw ruħna għax-xogħol iebes li huwa meħtieġ sabiex inkomplu niżviluppaw l-industrija tat-turiżmu tagħna fuq sisien aktar sodi. Għalhekk ħassejt il-ħtieġa, ftit tax-xhur ilu, li nitlob il-bidu ta’ proċess ta’ aġġornament tal-Politika Nazzjonali ta’ Malta għal din l-industrija daqstant kbira u importanti.
Kif diġà ġie spjegat, dan il-proċess kien imsejjes fuq il-prinċipju ta’ konsultazzjoni mill-bidu nett tiegħu. Ġie maħtur Kumitat Konsultattiv li ta l-input tiegħu sabiex ġie formulat l-abbozz li ġie pubblikat s’issa u wara ftaħna perjodu ta’ konsultazzjoni pubblika sabiex nilqgħu l-opinjonijiet u sottomissjonijiet ta’ kull min iħoss li għandu x’jikkontribwixxi għal din il-Politika Nazzjonali dwar it-Turiżmu. Wara li jagħlaq dan il-perjodu ta’ konsultazzjoni pubblika tigi formulata verżjoni finali li tkun semgħet li ntqal sabiex tiġi preżentata għall-approvazzjoni finali tal-Kabinett tal-Ministri sabiex finalment tiġi ppubblikata bħala Politika uffiċjali.
Id-dokument li sawwarna huwa bbażat fuq żewġ aspetti prinċipali: l-ewwel parti li tagħti viżjoni aktar fit-tul sas-sena 2030 u t-tieni parti li tipproġetta l-Politika nnifisha sas-sena 2020. Dan sar bi ħsieb, għaliex filwaqt li nemmnu li l-viżjoni tagħna trid ta’ bilfors tkun ta’ natura kemmxejn fit-tul, il-fatt li t-turiżmu internazzjonali qiegħed jevolvi u jinbidel b’rata daqshekk mgħaġġla jimponi fuqna l-ħtieġa li ma nħarsux aktar minn ħames snin ’il quddiem jekk irridu li dak li qiegħdin nipproponu jibqa’ validu għas-snin li ġejjin.
It-turiżmu huwa industrija vibranti li aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qegħda tinbidel hekk kif xejriet differenti u ġodda ta’ tipi ta’ turiżmu jinħolqu fuq bażi kontinwa. Fejn ftit tas-snin ilu, it-turiżmu kien fenomenu li kienu jgawdu minnu wisq inqas nies li kienu jsiefru l-aktar darba/darbtejn fis-sena, illum sar attività li minnha jgawdu aktar minn biljun vjaġġatur fis-sena u li hija mbassra li se tkompli tikber b’rata mgħaġġla fis-snin li ġejjin.
It-tkabbir ma jfissirx biss jiżdiedu n-numru ta’ turisti iżda jfisser ukoll li se jinħolqu kompetituri ġodda, swieq ġodda u prodotti ġodda. Se jitkattar l-ivvjaġġar bejn pajjiżi aktar imbegħda li jfisser li id-destinazzjonijiet bħal tagħna jridu jkunu kapaċi jservu firxa ta’ ħtiġijiet u kulturi aktar wiesgħa minn dawk li nilqgħu fostna llum il-ġurnata.
Huwa għalhekk, li kien daqstant importanti li nerġgħu naġġornaw il-Politika tagħna għal dan is-settur. Stajna għalaqna għajnejna u striħajna fuq il-kisbiet li għamilna s’issa iżda konna nkunu qegħdin nonqsu bil-kbir u nħarsu biss sal-ponta ta’ mneħirna kieku ħadna din it-triq faċli. Is-suċċess ma jaqax mis-sema iżda jippremja lil dawk li jaħsbu għalih u jistinkaw bil-kbir sabiex jiksbuh.
Nemmen bis-sħiħ li permezz ta’ din il-Politika aġġornata għat-turiżmu tagħna se jkollna f’idejna il-viżjoni u l-għodda neċessarji sabiex inkomplu nibnu fis-sod. Din il-Politika hija l-ixprun li jiftaħ il-bibien għal numru kbir ta’ inizjattivi ġodda li jridu jsegwu wara. Ma jkunx biżżejjed li nieqfu hawn. Id-direzzjoni li se toħroġ mill-Viżjoni u mill-Politika jridu jwasslu għal pjanijiet strateġiċi u tattiċi mid-diversi oqsma li jaffettwaw lit-turiżmu. Ewlenin fost dawn insibu l-Awtorità għat-Turiżmu u l-Istitut għall-Istudji Turistiċi iżda din ir-responsabbiltà testendi kemm għal numru akbar ta’ entitajiet pubbliċi u governattivi flimkien mas-settur kummerċjali li jeħtieġ li huwa wkoll isegwi d-direzzjoni li toħroġ minn din il-politika.
Nagħlaq billi nerġa’ nirringrazzja lil kull min ta l-kontribut tiegħu għal dan l-eżerċizzju daqstant importanti u nesiġi għal darboħra li dan il-proċess huwa wieħed ta’ bidu aktar milli wieħed ta’ tmiem. Il-prospetti huma tajbin, l-opportunitajiet huma bosta iżda l-perikli jekk naqgħu lura huma kbar. Għandna d-direzzjoni u għandna l-għodda. Għandna wkoll ir-responsabbiltà li nużawhom sewwa għall-ġid ta’ dan il-pajjiż li tant għandna għal qalbna.
Nirringrazzjakom.
Stqarrijiet Oħra:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046