STQARRIJA MAĦRUĠA MILL-GVERN TA' MALTA
L-ikbar tnaqqis fil-qgħad mis-sena 2000 ’l hawn
L-2014 kienet sena li matulha kibret ħafna l-ekonomija frott investiment qawwi filwaqt li tjieb sew il-konsum privat xprunat minn tisħiħ fil-poter ta’ akkwist tal-familji tagħna wara tnaqqis qawwi fl-inflazzjoni. Dawn il-kisbiet wasslu għal rata ta’ ħolqien ta’ xogħol li kienet id-doppju tas-snin ta’ qabel.
Stqarrija maħruġa llum mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika tikkonferma li n-numru ta’ nies jirreġistraw f’Diċembru 2014 naqas għal 6,287. Dan ifisser tnaqqis ta’ 1,114 persuna jfitxxu x-xogħol meta mqabbel mas-sena ta’ qabel. B’hekk, matul l-2014 pajjiżna kellu l-akbar tnaqqis assolut fin-numru ta’ nies jirreġistraw fl-aħħar erbatax-il sena. Kien biss bejn Diċembru 1999 u Diċembru 2000 li kien ġie rreġistrat tnaqqis ftit ikbar, iġifieri 1,118. L-aħħar li pajjiżna kellu figura ta’ nies qegħda daqshekk baxxa fi tmiem is-sena kien f’Diċembru 2007.
Fil-bidu ta’ din il-leġislatura, in-numru ta’ nies jirreġistraw kien 7,279. B’hekk, kull jumejn ta’ din il-leġislatura, tliet persuni qegħda rnexxilhom isibu xogħol. Dan jikkuntrasta bil-kbir mal-andament tas-suq tax-xogħol taħt l-amministrazzjoni preċedenti. Fil-ħames snin qabel Marzu 2013, il-qgħad kien żdied b’937 persuna (minn 6,342 fi tmiem Frar 2008). Dan ifisser li kull jumejn fi żmien l-amministrazzjoni preċedenti persuna aktar kienet tispiċċa tirreġistra.
It-tnaqqis qawwi li seħħ fil-qgħad matul l-2014 inħass l-aktar fost iż-żgħażagħ. Fil-fatt kien hemm tnaqqis ta’ 365, jew terz, fin-numru ta’ żgħażagħ bla xogħol. Dan juri kemm il-ħidma li qed issir biex aktar żgħażagħ jidħlu fid-dinja tax-xogħol qed iħalli frott.
Fl-istess ħin kien hemm ukoll titjib ta’ 290 persuna fin-nies jirreġistraw li għandhom età ta’ 45 sena jew aktar, il-kategorija ta’ nies qegħda l-aktar eskluża mis-suq tax-xogħol. Dan ifisser tnaqqis ta’ 9% mil-livell ta’ sena qabel. Fost dawk li ilhom jirreġistraw għal aktar minn sena kien hemm tnaqqis ta’ 216, jew 7%, filwaqt il-qgħad fost dawk b’diżabbiltà naqas b’84 persuna jew 16%.
It-tnaqqis fil-qgħad tibqa’ mira ekonomika u soċjali importanti għal dan il-Gvern. Bil-miżuri mħabbra fil-Budget 2015, l-impenn huwa li, fix-xhur li ġejjin, ikomplu jinħolqu opportunitajiet ġodda biex aktar familji Maltin u Għawdxin jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom.
Other Press Releases:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046