STQARRIJA MAĦRUĠA MILL-GVERN TA’ MALTA
Malta bit-tieni l-akbar tnaqqis fid-dejn nazzjonali madwar l-Unjoni Ewropea
Bejn it-tieni u t-tielet kwart tal-2014, Malta kellha t-tieni l-akbar tnaqqis fid-dejn nazzjonali minn fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea. Stqarrija tal-Eurostat illum tikkonferma li, fi tmiem Settembru 2014, id-dejn nazzjonali ta’ pajjiżna naqas bi 2.7% tal-prodott gross domestiku.
Dan it-tnaqqis ifisser ukoll li, imqabbel ma’ sena preċedenti, id-dejn nazzjonali ta’ pajjiżna naqas b’madwar 0.5% tal-prodott gross domestiku. Barra Malta, kien biss f’disa’ pajjiżi tal-Unjoni Ewropea li d-dejn nazzjonali wera tnaqqis fuq is-sena ta’ qabel. Għaldaqstant, filwaqt li fil-medja tal-Unjoni Ewropea d-dejn nazzjonali żdied b’1.3% tal-ġid nazzjonali, f’pajjiżna kellna tnaqqis.
Dan l-iżvilupp żied id-distakk fid-dejn nazzjonali bejn Malta u l-bqija tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Malta fil-fatt għandha livell ta’ dejn nazzjonali li niżel taħt tal-Ġermanja u wasal qrib tal-Olanda, li huma l-aktar pajjiżi rispettati fejn jidħol immaniġjar ta’ finanzi pubbliċi.
Ir-riżultati ppublikati llum mill-Eurostat iġibu fix-xejn l-istqarrijiet tal-Oppożizzjoni li d-dejn nazzjonali qed jisplodi taħt din l-amministrazzjoni. Anzi, kien matul l-ewwel kwart tal-2013 meta Simon Busuttil kien viċi kap tal-Partit fil-Gvern, li d-dejn nazzjonali kien żdied bi 3.6% tal-prodott gross domestiku. Din kienet l-akbar żieda fid-dejn nazzjonali fi tliet xhur li qatt irreġistrat il-Eurostat mindu bdiet tiġbor din l-istatistika għal Malta ħmistax-il sena ilu.
Li kieku pajjiżna baqa’ għaddej biż-żieda fid-dejn nazzjonali li seħħet fiż-żmien meta Simon Busuttil kien viċi kap tal-Partit fil-Gvern, kieku Malta bħalissa qed tiffaċċja problemi serji ħafna. Ir-riżultati ppubblikati mill-Eurostat illum juru kemm kienet importanti għal pajjiżna l-bidla fl-amministrazzjoni li qed tissarraf f’tisħiħ tal-finanzi pubbliċi mingħajr bżonn ta’ awsterità fiskali.
Il-Gvern se jibqa’, fix-xhur li ġejjin, iwettaq il-politika ta’ tkabbir ekonomiku li tibni fuq l-ottimiżmu u dinamiżmu tal-poplu Malti u Għawdxi.
Stqarrijiet Oħra:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046