IT AUDIT: DIPARTIMENT TAL-KUMMERĊ
Illum, l-Awditur Ġenerali ppreżenta lill-iSpeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti rapport ieħor ta’ verifika fuq it-Teknoloġija tal-Informatika (IT), din id-darba fid-Dipartiment tal-Kummerċ. Dan ir-Rapport analizza u kkummenta fuq l-operat u l-użu effettiv tal-IT u tas-Sistemi tal-Informatika li qegħdin jintużaw fi ħdan id-Dipartiment.
Wieħed mill-għanijiet prinċipali ta’ dan ir-rapport kien li jiġbor u janalizza evidenza biżżejjed biex jiddetermina jekk id-Dipartiment tal-Kummerċ għandux il-kontrolli kollha neċessarji li jiżguraw li l-IT u s-Sistemi tal-Informatika qed iżommu l-integrità f’dik li hi data, sabiex ikunu protetti l-assi, jintlaħq l-miri tad-Dipartiment b’mod effettiv, u jkunu ta’ għajnuna fl-użu effettiv tar-riżorsi relatati mal-IT li għandu l-Gvern.
Dan ir-rapport analizza seba’ applikazzjonijiet tas-software li qed jintużaw fid-Dipartiment tal-Kummerċ f’dak li għandu x’jaqsam mal-faċilità ta’ użu, kontrolli tas-sigurtà, immaniġġjar tal-kontijiet li qed jintużaw u tas-servizzi ta’ kif jinżammu s-sistemi.
Waqt li kien qed janalizza kif id-Dipartiment qed juża b’mod effettiv is-sistema tal-Liċenzji (LMS), is-sistema tat-Trademarks (TMS) u s-sistema tat-Trademarks fuq l-Internet (TMview), l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) nnota li:
• 1,944 liċenzji tal-kummerċ inħarġu mil-LMS fl-2013, meta mqabbla ma’ 1,188 fl-2012;
• 999 trademarks ġew irreġistrati fit-TMS bejn Lulju 2013 u Lulju 2014;
• 52,062 trademarks, li kienu pprovduti mid-Dipartiment tal-Kummerċ, huma aċċessibbli mit-TMview, minn fost 24,477,698 trademarks li ġew provduti minn diversi Uffiċċji tal-Proprjetà Intellettwali madwar id-dinja.
F’dak li għandu x’jaqsam mas-sigurtà fiżika, l-NAO nnota li d-Dipartiment tal-Kummerċ hu nieqes fil-mezzi ta’ sigurtà f’dak li jirrigwarda l-kontrolli materjali. F’dan ir-rigward, l-NAO ġie infurmat li bħalissa għaddejjin numru ta’ taħditiet ma’ nies involuti sabiex jaraw kif jistgħu jirranġaw is-sitwazzjoni preżenti. Waqt li kien qed janalizza s-Sigurtà tal-Informazzjoni fi ħdan id-Dipartiment, l-NAO nnota li waqt li l-applikazzjonijiet tal-IT li qed jinżammu għand l-Aġenzija tal-Informatika tal-Gvern (MITA) huma koperti bi pjanijiet li għandha l-MITA, f’dak li jirrigwarda l-kontinwità tal-operat, id-Dipartiment m’għandux pjanijiet formali fil-livell dipartimentali. L-NAO jirrakkomanda li pjan ta’ kontinwità, f’dak li jirrigwarda l-kontinwità tal-operat fuq livell dipartimentali, jiġi mfassal u adottat.
Biex tara dan ir-Rapport, jekk jogħġbok, idħol fis-sit tal-NAO: http://www.nao.gov.mt
Stqarrijiet Oħra:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046