IL-MEUSAC ISAĦĦAĦ IL-PREŻENZA TIEGĦU F’GĦAWDEX BIL-FTUĦ TA’ UFFIĊĊJU ĠDID
Illum wara nofsinhar kien inawgurat uffiċċju ġdid tal-MEUSAC fil-kumpless tal-Università fix-Xewkija.
Il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili Helena Dalli semmiet kif wara diskussjonijiet li saru mal-Ministeru għal Għawdex, kien offrut spazju fil-kumpless tal-Università li tpoġġa għad-dispożizzjoni tal-MEUSAC mingħajr ħlas.
Il-Ministru Dalli enfasizzat l-importanza li s-soċjetà ċivili f’Għawdex tkun attiva fl-istrutturi tal-MEUSAC biex tressaq il-perspettiva Għawdxija dwar diversi aspetti li jolqtu r-relazzjoni ta’ pajjżna mal-Unjoni Ewropea u d-deċiżjonijiet li jittieħdu fuq livell nazzjonali.
Hija qalet kif issa se jkun aktar faċli li għaqdiet mhux governattivi u kunsilli lokali f’Għawdex imorru għand il-MEUSAC biex ikomplu jibbenefikaw mill-assistenza fil-qasam tal-fondi tal-UE. Fost l-oħrajn hija semmiet kif s’issa, minn kemm ilu jopera l-MEUSAC f’Għawdex, il-kunsilli lokali ħadu total ta’ €4,109,903 għal 34 proġett differenti filwaqt li NGOs ħadu €1,062,980 għal 22 proġett.
Il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo tenna li huwa essenzjali li l-MEUSAC ikollu uffiċċju f’Għawdex. L-għan ta’ dan l-uffiċċju hu li jiddiskuti kif il-miżuri li jittieħdu fl-Unjoni Ewropea jolqtu kemm lill-istituzzjonijiet, lis-setturi partikolari u saħansitra liċ-ċittadini ordinarji, kif NGO’s u Kunsilli Lokali jipparteċipaw fi programmi, li jipprovdi informazzjoni sempliċi lill-pubbliku dwar il-pożizzjonijiet li tieħu Malta fl-Unjoni Ewropea u dwar id-drittijiet taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin fl-Unjoni Ewropea.
Il-Ministru semma’ li l-kunsilli lokali Għawdxin, l-intrapriżi Għawdxin u l-individwi Għawdxin kien ikollhom imorru Malta biex jinqdew b’din il-ħolqa essenzjali bejn Għawdex u l-Unjoni Ewropea. Kien għalhekk illi qiegħed jinfetaħ mill-ġdid uffiċċju rappreżentattiv tal-MEUSAC f’Għawdex, skont kif imwiegħed fl-aħħar Baġit, u skont il-politika ta’ dan il-Gvern ta’ ħolqien ta’ xogħol f’Għawdex għall-Għawdxin.
Il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo wiegħed il-koperazzjoni sħiħa tal-Ministeru għal Għawdex biex il-ħidma tkompli tissaħħaħ permezz ta’ dan l-uffiċċju. Dan jgħin biex tissaħħaħ id-dimensjoni tar-reġjonalità tal-gżira Għawdxija u biex isiru aktar proġetti għall-aħjar żvilupp soċjali u ekonomiku f’Għawdex. Fl-aħħar, il-Ministru Refalo rringrazzja lil Ministru Dalli tal-ħidma kontinwa tagħha favur il-gżira Għawdxija.
Il-Kap tal-MEUSAC Dott. Vanni Xuereb tkellem dwar il-kollaborazzjoni mal-Ministeru għal Għawdex matul dawn l-aħħar sentejn bl-għan li l-MEUSAC isaħħaħ il-preżenza tiegħu f’Għawdex u introduċa lil Chantelle Tabone bħala kordinatur ta’ dan l-uffiċċju li qed iservi bħala punt ta’ referenza għal individwi, intrapriżi, NGOs u kunsilli lokali f’Għawdex.
Stqarrijiet Oħra:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046